Jibda s-smigħ tal-kawża tal-mewt ta’ żagħżugħ

Il-Qorti bdiet tisma’ l-każ dwar il-mewt ta’ żagħżugħ fil-kumpanija Construct Furniture.
Sentejn ilu ż-żagħżugħ Matthew Bartolo tilef ħajtu wara li weġġa’ waqt li kien qed jopera magna fil-fabbrika.
Quddiem il-Qorti d-Diretturi tal-kumpanija qed jiffaċċjaw akkużi kriminali.
Hekk kif bdiet tinstema’ l-kawża, id-difiża oġġezzjonat għas-sejħa tax-xhieda, hekk kif għad ma kellhiex kopja tar-rapport tal-inkjesta.
Dak il-ħin il-Qorti ddeċidiet li tisma’ x-xhieda tal-Ispettur li qed imexxi l-Prosekuzzjoni, filwaqt li qalet li se tisma’ x-xhieda l-oħra, f’seduta oħra.
Min-naħa tiegħu l-Ispettur spjega li waqt l-investigazzjonijiet kien kellem lil persuna li suppost kienet qed tħaddem il-magna fil-ħin tal-inċident. Qal li x-xhieda tal-persuna kienet tvarja bejn dik li tat fl-inkjesta maġisterjali u għal dik li tat lill-ispettur aktar tard.
Qal ukoll li mill-evidenza ma jidhirx li kien hemm raġuni valida biex tittieħed azzjoni kriminali kontra l-persuna.
Saħaq li ma kienx ċar jekk din il-persuna kinitx resposabbli li tissorvelja l-magna li kkawżat l-inċident.