Jibda r-restawr fuq il-Kappella ta’ San Pawl

Infrastructure Malta

Beda r-restawr fuq il-Kappell ta’ San Pawl f’Ħ’Attard.

Fi stqarrija Infrastructure Malta (IM) li qed tmexxi l-proġett ħabbret li qed tagħmel restawr strutturali tal-Kappella tal-1729 iddedikata lil San Pawl Nawfragu, f’Ħ’Attard. Dan biex issaħħaħha u twaqqaf ħsarat ikkawżati minn snin twal ta’ ċediment.

IM qalet li studji u monitoraġġ tekniku li saru f’din il-kappella fl-2015 urew li għadd ta’ konsenturi li tfaċċaw snin qabel kienu kkaġunati minn ċaqlieq kostanti u gradwali tal-istruttura tagħha. L-istess studji identifikaw għadd ta’ interventi ta’ restawr li kienu meħtieġa biex isalvaw din il-binja. Madankollu, dan it-tisħiħ baqa’ ma sarx.

“Wara diskussjonijiet mal-volontiera li jieħdu ħsieb din il-kappella u l-Kunsill Lokali Ħ’Attard, Infrastructure Malta offriet li tipprovdi r-riżorsi meħtieġa biex jibdew dawn ix-xogħlijiet ta’ restawr li tant ilhom meħtieġa. Din l-inizjattiva ttieħdet bħala parti mill-impenn tal-aġenzija li ssebbaħ u ttejjeb l-ambjent madwar ir-rotta tas-Central Link Project, li qed twettaq fit-toroq arterjali tal-istess inħawi ta’ Ħ’Attard, Ħal Balzan u Birkirkara,” qalet IM.

Fil-ġimgħat li għaddew, kuntratturi speċjalizzati f’dan ix-xogħol bdew isaħħu l-istruttura tal-kappella.

Flimkien mas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, il-periti ta’ Infrastructure Malta introduċew bidliet żgħar fil-pjanijiet tas-Central Link Project sabiex faċilitajiet ġodda għal dawk li jivvjaġġaw bil-mixi li kienu se jinbnew fl-istess inħawi jitressqu aktar lilhinn mill-kappella u minn binja ta’ razzett antik li hemm maġenbha. Dan ir-razzett kien se jiżżarma u jintrama f’post ieħor fl-istess żona iżda issa mhux se jintmess.