Filmat: Jibda r-restawr fi 15-il parroċċa minn fondi Ewropej

Beda x-xogħol ta’ restawr u konservazzjoni ta’ diversi proġetti fi 15-il parroċċa f’Malta, b’investiment kapitali ta’ €2.2 miljun b’kofinanzjament ta’ 80% minn fondi tal-Unjoni Ewropea.

Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret illum quddiem il-Knisja Parrokkjali tan-Naxxar, indirizzata mis-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta Michael Pace Ross, u mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u d-Djalogu Soċjali Aaron Farrugia.

Matul il-konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat li matul dawn it-tliet snin se jiġu rrestawrati faċċati ta’ knejjes u kappelli, kampnari, pitturi u opri oħra tal-arti, bil-għan li l-patrimonju reliġjuż jiġi mħares bl-aħjar mod u jitgawda mill-ġenerazzjonijiet futuri.

Permezz tal-fondi se jsir mużew fil-kmamar li huma parti mill-Visitors’ Lodge fil-pjazza tas-Santwarju tal-Mellieħa. Ser jiġi rrestawrat ukoll l-arkivju fil-Kurja tal-Arċisqof fil-Furjana u se jsiru studji fuq il-bini tal-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Marija f’Birkirkara sabiex jiġi ddeterminat l-intervent meħtieġ minħabba ċaqliq strutturali.

Is-Sur Michael Pace Ross, filwaqt li esprima s-sodisfazzjon għall-ħidma li saret biex jinkisbu l-fondi Ewropej, qal li permezz ta’ dan il-proġett estensiv ta’ konservazzjoni għandhom jiġu rrestawrati wkoll diversi opri tal-arti li se jkunu jistgħu jitgawdew mill-pubbliku. Huwa wassal l-appell tal-Arċisqof Charles Scicluna li jisħaq dwar il-bżonn li napprezzaw is-sagrifiċċji ta’ missirijietna li esprimew il-fidi tagħhom fil-wirt reliġjuż li qed ingawdu llum, u li aħna fir-responsabbiltà li ngħadduh lil ta’ warajna.

Pace Ross qal li fondi li jintużaw għar-restawr u konservazzjoni tal-wirt kulturali huma investiment għall-ħarsien tal-identità tal-Maltin. Is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia qal li permezz ta’ proġetti bħal dawn u bis-saħħa tal-fondi Ewropej, qed jissaħħu l-kunċett ta’ komunitajiet fil-pajjiż, jiġi mħares il-wirt kulturali għall-ġejjieni, u jittejjeb il-prodott turistiku ta’ Malta.

Il-parroċċi li qed jibbenefikaw mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali 2014-2020 huma: Birkirkara (Santa Marija u Sant’Elena), Ħ’Attard, Ħad-Dingli, Ħal Balzan, Ħal Għargħur, Ħal Tarxien, il-Mellieħa, il-Mosta (inkluż il-Bidnija), in-Naxxar, ir-Rabat, l-Imdina, l-lmġarr, Marsaxlokk u Raħal Ġdid (Kristu Re).