Aġġornata: Elett Peter Micallef biex jieħu post Jean Pierre Debono

Peter Micallef ġie elett fl-elezzjoni każwali li saret dalgħodu biex jiġi elett kandidat fil-Parlament, biex jieħu s-siġġu ta' Jean-Pierre Debono, biex imbagħad iċedih lill-Kap Nazzjonalista, Adrian Delia, sabiex jidħol fil-Parlament.
Huwa ġie elett b'1,719-il vot. Warajh, tela' Antoine Borg kiseb 1,482 vot. 
Għas-siġġu ta’ Debono, kienu qed jikkontestaw 7 kandidati, li wieħed minnhom hu tal-Partit Demokratiku, u l-bqija Nazzjonalisti.
Fi tmiemu l-ewwel għadd, dawn kienu l-voti kkonfermati: 
Peter Micallef: 1258
Antoine Borg: 551
Sam Abela: 529
David Vassallo: 474
Lee Bugeja Bartolo: 78
Dounia Borg: 76
Filwaqt li l-kandidati Nazzjonalisti diġà qalu li min jitla’ jċedi s-siġġu lil Delia, il-PD qal li bl-ebda mod mhu se jċedi s-siġġu.
Iżda kien impossibbli li l-kandidat tal-PD, Lee Bugeja Bartolo, jilħaq il-kwota biex jidħol fil-Parlament.
Delia ma setax jidħol awtomatikament hu fil-Parlament meta rriżenja Debono, u issa jidħol bil-co-option, ladarba min jieħu s-siġġu ta’ Debono jċedih lilu.
Sadanittant dalgħodu fin-Naxxar il-kandidati Nazzjonalisti ltaqgħu mal-Kap Nazzjonalista u Debono.
Ritratti: Ian Noel Pace