Jibda l-proċess għall-għażla tal-viċi kapijiet ġodda għall-PN

Il-Partit Nazzjonalista lbieraħ beda jilqa’ n-nominazzjonijiet biex jimtlew iż-żewġ karigi ta’ Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Kelliem għall-Partit Nazzjonalista, qal ma’ Newsbook.com.mt, li fl-ewwel jum, ma ntefgħet l-ebda nomina.
Id-Deputati David Agius u anke Edwin Vassallo diġà wrew interess u bdew bil-kampanja tagħhom għall-elezzjoni ta’ Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Affarijiet tal-Parlament. Vassallo se jniedi uffiċjalment il-kampanja tiegħu għada.
Clyde Puli u Robert Arrigo, diġà ħabbru li se jikkontestaw il-kariga ta’ Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Affarijiet tal-Partit.
Ħafna huma tal-fehma li David Agius u Clyde Puli huma l-favoriti ta’ Adrian Delia.
Newsbook.com.mt kien irrapporta li fil-PN hemm rabja għax il-Kap ħa miegħu lil David Agius u lil Clyde Puli għal-laqgħa li kellu mal-Prim Ministru ftit wara li sar Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Sorsi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt kienu qalu wkoll li Dr Delia kien tkellem mad-Deputat Robert Arrigo, biex minflok jikkontesta għall-Viċi Kap, jaċċetta li jieħu r-responsabbilità tal-finanzi tal-partit. Iżda Arrigo rrifjuta.
Mn-naħa tiegħu, id-Deputat Edwin Vassallo kien qal li lest iċedi l-kandidatura tiegħu jekk l-ekskandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Chris Said, jitħajjar jikkontesta għall-istess kariga u jekk David Agius jirtira wkoll, biex Said ikun elett awtomatikament.
Hekk kien ġara erba’ snin ilu meta kien ġie elett Mario de Marco, li wkoll kien ikkontesta għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista meta ġie elett Simon Busuttil.
Sa issa, Chris Said, ma wera l-ebda interess li jikkontesta din il-kariga.