Jibda l-proċess biex masġar f’Għawdex jinbidel f’park għall-familja

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana ħabbret li nbeda l-proċess ta’ sejħa għall-offerti li għandu jwassal biex il-masġar ta’ Ulysses Grove fix-Xewkija jinbidel f’park għall-familja.
Fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru għal Għawdex intqal kif dan il-proġett se jara li dan il-masġar, li ftit li xejn hu aċċessibbli, jinbidel f’post ta’ rilassament b’enfasi speċjali fuq l-attività fiżika. F’dan il-post se tiġi installata trakka li tista’ tintuża kemm għall-mixi, ġiri u anke għar-rota fuq distanza ta’ kilometru.
L-istqarrija spjegat kif il-proġett, li hu kofinanzjat minn fondi Ewropej, ġie maqsum fi tliet fażijiet.
L-ewwel fażi se tkopri l-proċess ta’ livellar u se tisaħħaħ il-bażi fejn se ssir it-trakka u materja oħra relatata.
It-tieni fażi se tkopri l-bini ta’ entraturi ġodda, it-tiswija ta’ dawk preżenti, kif ukoll ir-restawr tal-ħitan tas-sejjieħ.
It-tielet u l-aħħar fażi se tara l-installazzjoni ta’ tagħmir bħal bankijiet u open air gym.
Ritratt: MGOZ – George Scerri