L-infermiera fl-isptar jaħdmu inqas; l-unjin u l-Gvern jissieltu għal ftehim

Il-Ministeru għas-Saħħa “jirrispetta d-dritt tal-ħaddiema li jsegwu azzjonijiet industrijali li jiġu ordnati mill-Unjin”.

Dan qalitu ma’ Newsbook.com.mt kelliema għall-Ministeru wara li llum daħlu fis-seħħ direttivi ġodda tal-infermiera u l-qwiebel li tħabbru ftit tal-jiem ilu.

Il-kelliema spjegat li llum stess għaddejjin laqgħat sabiex jintlaħaq ftehim kollettiv. Dawn minnbarra dawk li diġa saru fl-aħħar jiem.

Il-Ministeru insista li se jibqa’ miftuħ għad-djalogu mal-MUMN biex tinstab l-aħjar soluzzjoni għal ftehim kollettiv ġdid, fl-aħjar interess tal-partijiet kollha, speċjalment għall-pazjenti”.

Kif beda dan kollu?

Din it-tilwima bdiet mill-fatt li l-infermiera baqgħu ma ħadux il-leave tal-festi pubbliċi dovut lilhom. Dan ma kienx l-uniku dritt li ma gawdewx minnu, għaliex minkejja diskussjonijiet mal-Gvern, ma ngħatawx id-dritt li jirtiraw kmieni, u lanqas ma ntlaħaq kompromess dwar iż-żieda fl-allowances mitluba.

Wara konferenza tal-aħbarijiet li kienet għamlet l-MUMN f’Ottubru, wara li l-Gvern għamel seba’ xhur jirrifjuta li jiltaqa’ magħha, kienu bdew xi diskussjonijiet li wasslu għal ftehim.

Madanakollu, skont l-MUMN, il-ftehim kien ħalla 3 punti ewlenin barra. Dawn jinkludu li l-infermiera jirtiraw kmieni, iż-żieda fl-allowances, gradi li għandhom jitqiesu kif suppost fl-istruttura tas-salarji u li l-punti ewlenin ma ġewx indirizzati.

Xi jgħidu d-direttivi li daħlu fis-seħħ illum?

Fost id-direttivi l-ġodda hemm li l-ħaddiema ma jużawx il-mowbajls u ma jagħmlux xogħol klerikali ħalli jkunu jistgħu jiffukaw fuq il-kura tal-pazjenti, kif ukoll li ma jassistux lit-tobba fiż-żona tal-Outpatients.

Min-naħa tagħha, il-General Workers’ Union irreaġixxiet għad-direttivi tal-MUMN billi ordnat lin-Nursing Aides membri tagħha biex ma jagħmlux xogħol tal-infermiera.

L-aħħar laqgħat ma jwasslu mkien

Ilbieraħ l-MUMN qalet li minkejja l-laqgħat li saru fl-aħħar jiem, baqa’ ma sarx progress, u l-ftit li sar ma jiġġustifikax l-irtirar tad-direttivi.