Jibda l-ġuri tal-midja Awstraljana fuq ir-rappurtaġġ fil-każ tal-Kardinal Pell

Read in English.

It-Tnejn ingħata bidu għall-ġuri dwar il-mod kif ġurnalisti, edituri u kumpaniji tax-xandir kisru ordni maħruġa mill-Qorti madwar l-Awstralja kollha biex ma jkunux rappurtati dettalji dwar l-arrest ta’ l-ex teżorier tal-Vatikan George Pell li kien akkużat b’abbuż fuq it-tfal fl-2018.

Pell kien arrestat f’Diċembru tal-2018 u akkużat dwar abbuż ta’ żewġ abbatini iżda r-rappurtaġġ tal-ġuri u l-arrest kien miżmum mill-qrati f’Victoria sabiex ikun żgurat li l-kardinal ikollu ġuri ġust dwar l-akkużi li kellu jaffaċċja.

Pubblikazzjonijiet barranin fosthom il-Washington Post u d-Daily Beast, irrappurtaw l-aħbar eżatt wara li ħareġ il-verdett.

Wara dan, xi media Awstraljani ppubblikaw artikli fejn qalu li ma setgħux jirrappurtaw aħbar ewlenija dwar persuna ta’ profil għoli u qalu li l-aħbar kienet aċċessibbli online.

L-ordni biex ma tkunx rappurtata l-istorja tħassret fi Frar ta’ l-2019, wara li kien twaqqa’ t-tieni ġuri. Pell inħeles mill-ħabs aktar kmieni din is-sena wara sena ħabs.

Prosekuturi fl-istat ta’ Victoria qed jakkużaw 10 ġurnalisti, ħames edituri ta’ gażżetti, erba’ pubblikazzjonijiet online u 12-il kumpanija tal-media, il-biċċa l-kbira minnhom propjetà ta’ News Corp u Nine Entertainment u l-kumpanija Fairfax li kisru din l-ordni tal-qorti.

Il-kumpaniji ċaħdu l-akkużi u wħud minnhom irrifjutaw jammettu li kienu jafu dwar din l-ordni tal-qorti, skond il-prosekutur Lisa De Ferrari li tkellmet fil-qorti nhar it-Tnejn.

Għaldaqstant, kompliet tgħid li emails li ntbagħtu bejn ġurnalisti u edituri juru b’mod ċar li kienu jafu dwar din l-ordni.

Wieħed mill-edituri, l-editur ta’ The Age qal f’email li nqrat fil-qorti: “Dwar il-każ miżmum mill-qorti, jiena kontra li nippubblikaw l-istorja llum, kif kont għedt qabel.”

F’risposta, wieħed mid-difensuri f’dan il-każ spjega kif l-editur ta’ The Age Alex Lavelle f’email kien qal li kien simpatetiku ma’ l-opinjoni tagħha iżda li l-istejjer diġa kienu dehru kullimkien u kienu faċilment aċċessibbli.

“M’aħniex qed niksru ordni ta’ suppressjoni, iżda qed nispjegaw għalfejn ma stajniex nirrappurtaw l-istorja,” qal f’email.

Il-ġuri, li qed  isir online minħabba r-restrizzjonijiet marbuta mal-COVID-19, mistenni jdum għaddej 15-il ġurnata. L-ebda wieħed minn dawk li qed jiddefendu l-akkuża ma kienu l-qorti nhar it-Tnejn.