Jibda l-ġuri tal-kompliċi fil-massakru ta’ Charlie Hebdo

Il-kompliċi tal-qattiel ta’ 17-il persuna fl-attakki li seħħew ħames snin ilu fuq il-magażin Charlie Hebdo u f’supermarket Lhudi fi Franza issa mistennija jgħaddu ġuri.

Erbatax-il akkużat, li tlieta minnhom se jgħaddu ġuri in absentia għaliex  jista’ jkun li mietu, qed jiffaċċjaw akkużi fosthom l-iffinanzjar ta’ terroriżmu, sħubija f’organiżżazzjoni terroristika u t-tqassim ta’ armi lill-qattiela Said u Cherif Kouachi u Amedy Coulibaly.

Nhar is-7 ta’ Jannar 2015, l-aħwa Kouachi daħlu biex joqtlu lil kull min sabu fl-uffiċji ta’ Charlie Hebdo f’Pariġi, pubblikazzjoni li s-satira tagħha dwar ir-razza, ir-reliġjon u l-poltika qajjmet dibattitu soċjali sħiħ dwar x’għandu jkun aċċettat bħala l-limitu tal-libertà ta’ l-espressjoni.

B’kollox qatlu 12-il persuna fl-attakk li al Qaeda kienu ħadu r-responsabbiltà għalih. Il-ġurnata ta’ wara, Coulibaly li kien jaf lil Cherif Kouachi, qatel pulizija mara.

Imbagħad, nhar id-9 ta’ Jannar, huwa qatel erba’ rġiel Lhud ġewwa kosher supermarket. F’video, huwa kien saħaq li l-azzjoni tiegħu kienet saret f’isem l-Istat Iżlamiku.