Aġġornata: Għaddej l-għadd tal-voti tal-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali

Dalgħodu fiċ-Ċentru tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar beda l-għadd tal-voti tal-Elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali li saru nhar is-Sibt li għadda fl-istess jum li saret l-Elezzjoni Ġenerali.

Għal dawn l-Elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali nofs l-elettorat kien imsejjaħ biex jivvota. Kien hemm elezzjoni lokali fi 33 lokalità. Is-Sibt filgħaxija, wara l-għeluq tal-votazzjoni, il-Kummissjoni Elettorali ppubblikat iċ-ċifri fejn qalet li ivvutaw 82% ta’ dawk intitolati jivvutaw. Il-lokalitajiet bl-ogħla perċentwal kienu l-Imtarfa u l-Gudja 94% filwaqt li dawk bl-inqas perċentali kien tas-Sliema 57%.

S’issa l-għadd f’erba’ lokalitajiet f’Għawdex huwa magħluq. Fl-Għasri, fil-Fontana u fl-Għarb, il-Partit Laburista tella’ żewġ kandidati u tlieta ġew eletti f’isem il-Partit Nazzjonalista. Għall-kuntrarju fis-Sannat, il-Partit Laburista rebaħ il-maġġoranza bi tliet kandidati kontra tnejn mill-Partit Nazzjonalista.

Madankollu fis-sigħat li għaddhew, hu mifhum li l-Partit Nazzjonalista talab mat-tnax –il recount f’lokalitajiet li jaqgħu taħt it-8 u t-13-il distrett. L-istess distretti li fl-Elezzjoni Ġenerali, fihom kien hemm distakk minimu ħafna bejn iż-żewġ partiti.

Il-Partit Laburista minn naħa tiegħu żied il-voti b’madwar 5% fil-lokaltita’ tal-Pieta’ u bi 8% fil-Qrendi u l-Imqabba. Tispikka wkoll il-bidla fil-kariga ta’ Sindku fil-Lokalita’ ta’ Ħal Tarxien, hekk kif il-kunsillier f’isem il-Partit Laburista Pawlu Farrugia li kien ilu jokkupa din il-kariga sa mis-sena 2000 kellu jċedi postu għall-kunsiller ġdid ukoll f’isem il-Partit Laburista, Joseph Abela.

Ritratti: Justin Vella