Jibda l-appell sabiex jitkabbar il-kampus tal-Università Amerikana fil-Kottonera

Ir-residenti tal-Kottonera għadhom fiduċjużi li t-Tribunal tal-Appell dwar il-pjanijiet ta’ estensjoni għall-Università Amerikana ta’ Malta (AUM) jaqbel mad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar sabiex din l-estensjoni ma ssirx.

Illum waranofsinhar saret l-ewwel seduta tat-Tribunal tal-Appell dwar il-pjanijiet ta’ estensjoni. Din saret online minħabba l-imxija tal-coronavirus. Minbarra li kkontestaw l-appell b’għajuna legali u segwew is-smigħ online, ir-residenti għamlu dimostrazzjoni simbolika f’wieħed mill-ispazji, filwaqt li żammew mar-regoli ta’ distanza soċjali u miżuri ta’ saħħa u sigurtà.

Is-seduta ġiet diferita għall-1 t’Ottubru, għaliex il-President tat-Tribunal tal-Appell kien is-Segretarju tal-Bord tal-PA li rrifjuta l-applikazzjoni, u l-perit ta’ Sadeen, Edwin Mintoff, talab biex ikun jista’ jikkonsulta mal-klijent tiegħu dwar jekk il-President għandux jirrifjuta lilu nnifsu.

F’Novembru li għadda, l-Awtorità għall-Ippjanar kienet irrifjutat unanimament l-applikazzjoni tal-AUM (PA/07496/16) li, skont ir-residenti, kienet se toħnoq tnejn mill-ftit spazji miftuħa fit-tlett ibliet, u tgħatti l-veduta tas-swar tal-Isla. Inizjalment, il-pjanijiet kienu jinkludu binja oħra, biex isiru dormitorji fi spazju miftuħ ieħor, taħt il-forti ta’ San Mikiel, qabel id-daħla tal-Isla.

Ir-residenti tal-Kottonera u l-għaqdiet mhux governattivi waqqfu l-grupp ‘Azzjoni: Tuna Artna Lura’ biex jopponu dan l-iżvilupp propost, bir-raġuni li dan l-iżvilupp kien se jisraq spazji pubbliċi miftuħa, jeqred wirt storiku nazzjonali u jikser għadd ta’ regoli u linji gwida tal-ippjanar.

Meta Sadeen Group, il-kumpanija tal-kostruzzjoni u ospitalità Ġordaniża li hija sid l-AUM, appellat id-deċiżjoni tal-PA, il-grupp ġabar il-fondi meħtieġa mill-komunità biex jiġġieldu dan l-appell f’inqas minn ġimgħa.