Jibda jintemm il-każ tal-pazjent li nstab mejjet f’Karin Grech fl-2012

Il-każ dwar pazjent li miet fl-isptar Karin Grech fl-2012 beda ġej fi tmiemu hekk kif is-sentenza mistennija tinqata’ f’Marzu li ġej.

Il-każ seħħ seba’ snin ilu f’Marzu tal-2012 fl-isptar Karin Grech fejn pazjent ta’ 64 sena bid-demensija faga fuq biċċa tiġieġa. Hu instab mejjet mal-art ħdejn it-toilets. Il-pazjent kellu jkun taħt superviżjoni waqt li jkun qed jiekol.

Il-każ qed jinstema’ kontra ċ-Chief Nurse ta’ 61 sena minn Raħal Ġdid, nursing aide ta’ 59 sena mis-Siġġiewi, u infermier ta’ 34 sena mill-Għargħur. Dawn qed jiġu akkużati bil-qtil involontarju tal-pazjent. Qed jinsistu li huma innoċenti.

L-avukat tal-mara tal-vittma qal li l-każ kien wieħed qisu ġej minn xi storja ta’ Charles Dickens. Insista li l-inċident fatali seta’ jkun evitat u li xi ħadd għandu jwieġeb għal dak li ġara.

Il-vittma kien ġie ordnat jiekol ikel artab. Hu kien ingħata platt tiġieġ x’jiekol qabel ma miet, ikel li dak iż-żmien kien ikklassifikat bħala “artab”. Madanakollu, l-ikel kellu jiġi pproċessat u mqatta’ b’tali mod li jkun jista’ jieklu.

L-avukat qal li ħadd ma ċċekja x’kien fuq il-platt tal-pazjent u li l-ipproċessar tal-ikel kien proċess mediku. Qal li xi ħadd kellu jara li dan isir u jżomm għajnejh fuq il-pazjent. Skont id-difiża, it-tort kien tal-ħadiema li kienu negliġenti u mhux tas-sistema tal-isptar. Fil-Qorti nstema’ wkoll li l-istruzzjonijiet dwar kif il-pazjent kellu jiekol kienu mwaħħlin mas-sodda tiegħu.

Mill-banda l-oħra, id-difiża qalet li kienet is-sistema li falliet hu mhux l-infermiera. Żiedet tgħid li tant hu hekk illi wara t-traġedja, ir-regoli tal-isptar kienu inbidlu. Skont l-avukat tad-difiża l-inkjesta maġisterjali dwar il-każ ma kenitx konklussiva u li l-Pulizija ntalbet tkompli tinvestiga.

Id-difiża staqsiet ukoll kif kellu jiġi mgħaffeġġ l-ikel meta kien hemm biss frieket u skieken tal-plastik fil-ward.

Dwar in-nursing aide, id-difiża qalet li din kien assenjata żewġt ikmamar differenti fl-istess ħin u li allura ma setgħetx tkun għassa tal-pazjent li miet meta kienet f’kamra oħra.

L-avukat taċ-Chief Nurse qal li skont id-deskrizzjoni tax-xogħol tagħha ma kenitx reponsabbli għas-superviżjoni tal-pazjenti jew li kellha titmagħhom.

L-avukat tal-infermier qal li qabel ma’ seħħ l-inċident kien qal li kollox kien sew mal-pazjenti. Dan imbagħad mar jieħu l-brejk tiegħu.

Is-sentenza mistennija tinqata’ f’Marzu.