Jibda jinstema’ fil-magħluq il-każ ta’ Darren Debono

Darren Debono u Jeffrey Chectcuti żewġ eks players mat-tim nazzjonali Malti wieġbu mhux ħatja wara li t-Tnejn waranofsinhar tressqu l-Qorti mixlijin b’ħasil ta’ flus quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech.

Fil-Qorti, il-prosekuzzjoni għamlet talba biex il-kawża tibda tinstema’ fil-magħluq biex ma jiġux ippreġudikati l-investigazzjonijiet li għadhom għaddejjin. Fil-bidu saret talba biex ikun hemm divjett fuq l-ismijiet madankollu din it-talba ġiet revokata mill-Qorti.

Fil-bidu tas-smigħ ta’ din il-kawża, l-avukat tad-difiża Gianella DeMarco talbet lill-Maġistrat Frendo Dimech biex tastjeni milli tisma’ din il-kawża bl-argument li din l-investigazzjoni tista’ tkun relatata mal-każ taż-żejt fl-Italja ħames snin ilu meta l-Maġistrat kienet taħdem fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Min-naħa tagħha l-prosekuzzjoni qalet li din l-investigazzjoni m’għandix x’taqsam mal-każ tal-2015.

Min-naħa tagħha l-prosekuzzjoni li hija mmexxija mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qalet li l-investigazzjoni dwar il-każ taż-żejt fl-Italja u l-informazzjoni li ntalbet mill-atwtoritajiet Taljani nfetħet fl-2016, sena wara li l-Maġistrat ma baqgħetx fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

Min-naħa tagħha l-Qorti ċaħdet it-talba tad-difiża u talbet lill-Avukat Ġenerali preżenti tixhed fis-seduta li jmiss u tiġi esebita d-dokumenti meħtieġa li jikkonfermaw id-dati tat-talba li kienu għamlu l-awtoritajiet Taljani.

Debono u Chetcuti  għadhom qegħdin jinżammu taħt arrest preventiv.