Jibda jiltaqa’ l-Bord tal-Pulizija iżda bil-magħluq

Il-Bord indipendenti tal-Pulizija llum wara nofsinhar beda s-smigħ tiegħu dwar kif raġel kien akkużat bi żball li wettaq hold-up f’Birkirkara nhar l-Erbgħa li għaddew wara nuqqas ta’ komunikazzjoni fi ħdan il-Pulizija.

Il-laqgħa kienet magħluqa kemm għall-ġurnalisti kif ukoll għall-pubbliku, anke jekk qabel fi stqarrija tal-Gvern kien indikat li din il-laqgħa se tkun miftuħa għall-ġurnalisti. Iċ-Ċermen tal-Bord, l-Imħallef Franco Depasquale qal qabel il-laqgħa li l-liġi ma tippermettilux li l-proċeduri jsiru fil-pubbliku. Huwa qal li għan tal-bord huwa li jinvestiga l-ilmenti tal-pubbliku dwar l-imġieba tal-pulizija, minkejja li l-Imħallef ammetta li l-email tal-bord xi kultant ma jaħdimx sew. Huwa kompla jgħid li r-rapport aħħari wara li jitlesta jingħata lill-Kummissarju tal-Pulizija u l-Ministru tal-Intern. L-Imħallef spjega kif hija deċiżjoni tagħhom jekk iridux li jippubblikaw ir-rapport.

L-Imħallef Depasquale rrefera għall-każ u qal li huwa mistenni jkun wieħed ċar u għalhekk l-investigazzjonijiet m’għandhomx jieħdu fit-tul. Huwa kompla jgħid li l-urġenza tal-każ huwa ħabba l-fatt li ttellgħat il-qorti persuna b’oħra. L-Imħallef għamilha ċara kemm-il darba li dan il-bord huwa indipendenti mill-Pulizija u l-Gvern. Filfatt huwa qal li l-bord kurrenti ltaqa’ l-ewwel darba waqt din il-konferenza tal-aħbarijiet. Huwa rrimarka li l-laqgħa saret fil-Ministeru tal-Intern għaliex il-membri l-ġodda ma kinux jafu bil-post fejn normalment jinżammu dawn il-laqgħat.

Il-Bord il-ġdid huwa magħmul mill-Imħallef Franco Depasquale bħala Chairpersonli ilu jokkupa din il-kariga għal dawn l-aħħar 10 snin, mis-Sur Victor Gruppetta, l-Avukat Deandra Schembri, l-Avukat David Farrugia Sacco u s-Segretarju Keith Chetcuti.

Il-Kummissarju tal-Pulizija Peter Paul Żammit u l-viċi Kummissarju Joe Cachia dehru deħlin fil-bini iżda ma kinux preżenti waqt din il-laqgħa.