Aġġornata: “Irrid innaddaf il-politika f’Malta mill-korruzzjoni”

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, qal li l-viżjoni tiegħu hi li l-politika f’Malta titnaddaf b’sens ta’ ġustizzja u titneħħa l-korruzzjoni.
Din il-viżjoni tkellem dwarha meta kien qed jindirizza lin-nies fl-għeluq tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista bit-tema Infasslu Futur Flimkien.
“Jiena noħlom b'soċjetà li jimpurtaha, fejn uliedna jitgħallmu u mhux biss jistudjaw. Soċjetà fejn in-neputijiet tagħna jistgħu jbiddlu l-pajjiż, fejn il-ħaddiema jkollhom dritt għal ħajja diċenti, fejn il-ġenituri jistgħu jirtiraw b'dinjità u l-anzjani jagħtu aktar lis-soċjetà”, enfasizza Dr Delia.
Tkellem dwar l-edukazzjoni, ix-xogħol u l-ambjent, meta sostna li fil-viżjoni tiegħu Malta tkun post li jattira xogħol ta' kwalità, b'edukazzjoni li toffri ħiliet ġodda liż-żgħażagħ, li tħares l-ambjent b'infrastruttura sostenibbli u trasport effiċjenti.
Meta rrefera għall-emendi fl-Atta dwar il-Protezzjoni tal-Embrijun, Dr Delia qal li għall-PN, it-tarbija fil-ġuf mhix tmien ċelloli imma hija ħajja umana.
Sostna li l-pilastri li l-PN irid jibni fuqhom din il-viżjoni jagħtu r-rispett u d-dinjità lill-bniedem.
Finalment, dwar iż-żgħażagħ, il-Kap tal-PN qal li l-partit irid ifassal il-futur flimkien maż-żgħażagħ u għalhekk qed jiftaħ il-bibien beraħ biex iż-żgħażagħ iġibu magħhom ideat friski.
Fl-aħħar jiem il-PN ħabbar li tressqet mozzjoni mill-President tal-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista (MŻPN) Joe Grech u s-Segretarju Ġenerali Clyde Puli, li fost l-oħrajn tkun titlob li 15% tal-membri tal-Eżekuttiv tal-PN ikunu żgħażagħ ta’ taħt it-30 sena.
Dr Delia qal li matul is-sessjonijiet tal-Kunsill Ġenerali ra n-nies tipparteċipa bi ħġarha. Irrimarka li dan ifisser li n-nies qed terġa’ lura d-Dar Ċentrali għax tara fil-PN partit tan-nies.
"Niftħu l-bieb, mhux nagħlquh"
Dr Delia talab lill-poplu biex jingħaqad mal-PN sabiex jinbena futur sabiħ flimkien.
Fid-diskors tiegħu sostna li biex dan isir il-PN irid jiftaħ il-bibien tiegħu għal aktar nies, u mhux jagħlaqhom.
Il-Kap tal-PN ħin minnhom irringrazzja lill-Eks-Kap tal-PN, Simon Busuttil, talli, fi kliemu, "iġġieled il-korruzzjoni".
Hawnhekk irrimarka li l-PN mhux se jissikket fil-ġlieda tiegħu kontra l-korruzzjoni.
"Nazzjonalisti għax…" – Clyde Puli
Ftit qabel Dr Delia kien qed jindirizza lin-nies is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Clyde Puli, li fi kliemu qal xi tfisser tkun Nazzjonalist.
"Aħna Nazzjonalisti għax inħobbu lil pajjiżna. Pajjiżna magħmul min-nies u l-Partit Nazzjonalista huwa l-partit tan-nies", iddeklama.
Puli qal li n-Nazzjonaliżmu "mhux dwar il-pushbacks fl-istess ħin li tinbiegħ iċ-ċittadinanza lill-miljunarji. Huwa qal li n-Nazzjonaliżmu tal-PN mhux wieħed li jxejjer il-bandiera filwaqt li jkasbar il-lingwa kif qed jagħmel il-Gvern bil-liġijiet u r-regolamenti. In-nazzjonaliżmu tal-PN huwa li jgħożż l-identità tal-pajjiż, nazzjonaliżmu ċiviku li huwa ispirat mill-valuri tas-solidarjetà, tal-komunità u tal-ġid komuni".
“Kap ta’ partit maqsum li joqtol it-tama” – PL
Sadanittant, il-Partit Laburista rreaġixxa għad-diskors tal-Kap tal-PN, Adrian Delia, meta qal li Delia hu kap ta’ partit maqsum li joqtol it-tama.
Sostna li ladarba diġà hu kap ta’ partit maqsum, ftit jista’ jitkellem dwar fejn se jieħu lil dal-partit.
“Fuq kollox dan hu partit maqsum li jrid ineħħi t-tama ta’ mijiet ta’ persuni li jridu jsiru ġenituri. Id-diskors ta’ Delia dwar dawn il-persuni hu wieħed falz għax fil-verità mhux lest li jgħinhom”, tgħid it-tweġiba tal-PL.
Il-PL qal li kien jistenna li Delia jirrikonoxxi li hemm bżonn bidla fil-liġi tal-IVF.