Jhedduh għall-flus b’sikkina malli għamel delivery f’Ħaż-Żabbar

Raġel li kien qed jagħmel delivery tal-ikel f’Ħaż-Żabbar ġie mhedded b’sikkina u misruq.

Fi stqarrija l-Pulizija spjegat li l-każ seħħ matul il-lejl li għadda, għall-ħabta tas-1.45am. Ir-raġel daħal fl-Għassa ta’ Ħaż-Żabbar u għamel rapport li nsteraq fi Triq il-Ġiżimina.

Hu spjega li kien mar bil-mutur tax-xogħol iqassam xi ikel fl-imsemmija triq. Żewġt irġiel marru għall-ikel u malli tagħhom il-kont, ħarġu arma li taqta’ u bil-ponta u talbuh il-flus li kellu fuqu. Malli dawk ħadu l-flus, il-ħallelin minnufih ħarbu minn fuq il-post bil-flus kontanti.

Il-Pulizija spjegat li ħadd ma weġġa’ f’dan il-każ. L-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.