“Ma ridtx inweġġagħha; kulma użajt sikkina tal-butir”

Raġel ta’ 42 sena minn Ħaż-Żebbuġ li lbieraħ wara nofsinhar seraq mara u heddida b’sikkina waqt li kienet qed tuża ATM f’Ħal Qormi, ma ngħatax il-ħelsien proviżorju minkejja li wieġeb mhux ħati għax qal li kulma uża kienet sikkina tal-butir.
Ir-raġel tressaq il-Qorti wara li lbieraħ, għall-ħabta tal-5:45pm allegatament hedded mara ta’ 40 sena minn Ħaż-Żabbar b’sikkina biex jisirqilha l-flus li kienet għadha kemm ħadet mill-ATM.
L-imputat ġie arrestat minn Pulizija mir-Rapid Intervention Unit, li kien xogħol fl-inħawi fil-ħin tas-serqa u sema’ lill-vittma titlob l-għajnuna.
Waqt is-smigħ fil-Qorti, l-akkużat ammetta li għandu l-vizzju tad-droga u qal li kien juża mal-€200 kuljum sabiex jissodisfah. Għaldaqstant huwa qal li meta l-ġenituri tiegħu waqfu jtuħ il-flus, irnexxielu jnaqqas l-infieq għal €10.
Minkejja li d-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, qalet li minħabba li r-raġel għandu karattru ribelluż, jiddependi fuq id-droga u wkoll abbażi tal-allegazzjonijiet miġjuba kontrih se jinżamm taħt arrest.
Fl-istqarrija ntqal li l-flus li allegatament ġew misruqa, flimkien mas-sikkina ġew allevati mill-Puliżija, filwaqt li r-raġel qed jinżamm arrestat, sabiex jassisti fl-investigazzjoni li għadha għaddejja.