Jhedded Maġistrat f’filmat; multa ta’ €700

YouTube - Josmar ebejer

Raġel ta’ 54 sena laqqat multa ta’ €700 u sentena sospiża ta’ ħabs talli tella’ filmat fuq YouTube li fih hedded lill-Maġistrat Joe Mifsud.

Joseph Mary Ebejer li joqgħod il-Belt Valletta ġie arrestat ilbieraħ f’daru wara li tella’ l-filmat. Fil-filmat ta’ 11-il minuta li m’għadux jidher online Ebejer għamel għadd ta’ allegazzjonijiet kontra l-Maġistrat Mifsud.

Ebejer ġie akkużat li hedded lil Mifsud, lu uża apparat elettroniku b’mod ħażin, u li kkommetta reat waqt li hu uffiċjal pubbliku. Ebejer ammetta l-akkużi miġjuba kontrih.

Fil-Qorti Ebejer qal li jbati minn marda li xi drabi twasslu biex jitleff il-kontroll.

Fil-filmat hu attakka lil Mifsud minħabba l-mod kif kien qed jitratta każ li fih huwa involut Ebejer. Il-każ huwa dwar mara li allegatament tatu daqqa b’żarbun tat-takkuna fil-Belt Valletta.

Ebejer skuża ruħu formalment ma’ Mifsud.

Apparti mill-multa, Ebejer laqqat sentenza ta’ sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin. Il-Qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni għal tliet snin favur il-Maġistrat. Ebejer ġie ordnat ineħħi kull filmat li fih jissemma Mifsud.