Jhedded lill-familja ta’ ħuh li jisparalhom u jisplodilhom id-dar; jinħeles

Raġel akkużat li ħebb għal ħuh, martu u wliedhom u li ġegħilhom jibżgħu mill-vjolenza nħeles mill-arrest.

Ir-raġel ta’ 32 sena minn Ħal Qormi wieġeb mhux ħati li kiteb xi affarijiet ta’ theddida fuq Facebook, indirizzati lil ħuh u lill-familja tiegħu, anke li heddidhom li jisparalhom, itajjarhom bil-karozza u jaħarqilhom id-dar.

Il-familja ta’ ħuh imbagħad ibblokkjatu fuq Facebook, u dan wassal lill-akkużat biex imur għand ħuh personalment nhar it-Tnejn biex jhedded li jweġġagħhom. Il-familja għamlet rapport għand il-pulizija.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-vittmi, u qalet lill-akkużat li m’għandux javviċinahom jew jikkuntattjahom. Jekk jikser dawn l-ordnijiet, huwa jeħel multa ta’ €7,000.

Huwa nħeles mill-arrest b’depożitu ta’ €300 u garanzija personali ta’ €5,000. Irid jiffirma l-għassa tliet darbiet fil-ġimgħa.