Jhedded li “tispiċċa bħal Galizia”; libertà kundizzjonata

Read in English.

Raġel ingħata libertà kundizzjonata mill-Qorti wara li kiteb theddid fuq Facebook kontra l-MEP tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola. Hu qalilha toqgħod attenta għax tispiċċa bħall-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.

Fil-Qorti, Josef Farrugia wieġeb ħati li ta fastidju lil Metsola u li ġegħelha tibża’ mill-vjolenza.

Il-Maġistrat Joe Mifsud qal li filwaqt li l-Qorti tifhem li kulħadd għandu d-dritt jesprimi lilu nnifsu, ħadd m’għandu jħossu mhedded. Qal li ħadd m’għandu jgħati l-impressjoni li xi ħadd għandu jinqatel bħal Caruana Galizia.

Caruana Galizia nqatlet f’karozza bomba fis-16 ta’ Ottubru 2017.

Mifsud qal li Caruana Galizia ma kienx ħaqqha hekk u li l-qtil ħalla marka fuq Malta.
Farrugia ngħata l-libertà kundizzjonata għal tliet snin. Inħarġet ordni ta’ protezzjoni ta’ ħames snin għall-MEP.

L-Ispettur Joseph Xerri mexxa l-prosekuzzjoni. L-avukat Angele Formosa mexxiet id-difiża.