Jhedded li jwaqqa’ ajruplan fl-ajruport ta’ Malta

Raġel li hedded li jwaqqa’ ajruplan tal-passiġġieri, waqt li kien qed jiġi deportat lejn pajjiżu mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, nżamm arrestat.

Fil-Qorti nstema’ kif ir-raġel mit-Tuneżija ta’ 28 sena kien qed jinżamm fiċ-ċentru ta’ detenzjoni ta’ Ħal Safi u kien se jintbagħat lura lejn pajjiżu t-Tnejn filgħodu. Qabel ma kien se jiġi deportat, allegatament ipprova jaħrab mill-Pulizija.

Skont il-Pulizija, it-Tuneżin irreżista l-arrest, gidem pulizija, u hedded li jwaqqa’ l-ajruplan. Ir-raġel ġie akkużat ukoll li poġġa l-passiġġieri u l-ajruplan f’periklu u li ma obdiex l-ordnijiet tal-kaptan abbord l-ajruplan. Ir-raġel wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.