Jhedded li joqtol lil bintu: “Jekk jeħilsuni nagħmel waħda”

Raġel li hedded li se jieħu l-liġi b’idejh ladarba jinħeles ma ngħatax ħelsien mill-arrest wara li qal li mhuwiex ħati għal każ ta’ vjolenza domestika.

Ir-raġel ta’ 54 sena allegatament weġġa’ lis-sieħba tiegħu, heddidha b’sikkina, u hedded ukoll lil bintu ta’ 13-il sena li joqtolha, il-Ħadd li għadda fl-Imġarr.

Il-Prosekuzzjoni qalet li l-akkużat hedded ukoll lil 5 uffiċjali tal-pulizija u rrifjuta li jobdi l-ordnijiet li tawh, dagħa fil-pubbliku u tellef il-paċi pubblika.

L-akkużat allega li ġie attakkat mis-sieħba tiegħu jew minn bintu; li sabbtet fuq il-mejda u tatu daqqa.

Fl-istqarrija li għamel mal-Pulizija, ir-raġel qal, “Jekk jilliberawni nagħmel waħda minn tiegħi.”

Wara li semgħet dan kollu, il-Qorti rrifjutat it-talba għall-ħelsien mill-arrest, u ħarġet Ordni ta’ Protezzjoni għas-sieħba tar-raġel.