Jhedded 4 Pulizija u jweġġa’ persuna f’Għawdex

Raġel baqa’ jinżamm taħt arrest wara li lbieraħ hedded 4 uffiċjali tal-Pulizija u darab persuna f’Għawdex.

Dan ħareġ minn stqarrija tal-Pulizija li spjegat li llum Somalu ta’ 28 sena residenti ż-Żebbuġ tressaq quddiem il-Qorti t’Għawdex akkużat li attakka jew għamel reżistenza bi vjolenza u inġurja jew hedded erba’ uffiċjali tal-Pulizija, kif ukoll ma obdiex l-ordnijiet tagħhom. Hu ġie akkużat ukoll li rrifjuta li jagħti d-dettalji tiegħu jew ta dettalji foloz.

Aktar akkużi fil-konfront tiegħu jinkludu li darab terza persuna b’oġġett iebes, kif ukoll li kien qed iġorr fuqu arma taqta’ u bil-ponta mingħajr liċenzja tal-Kummissarju tal-Pulizija. L-akkużi jgħidu wkoll li kiser il-paċi pubblika b’għajjat, li kien fis-sakra u li sar riċediv b’diversi sentenzi l-Qorti.

Minkejja li wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih, ir-raġel baqa’ jinżamm taħt arrest.