Aġġornata: M’hemmx periklu ta’ tniġġis mit-tanker inkaljat

Transport Malta assigurat li t-tanker li nkalja dalgħodu fi Fra Ben ma kellux merkanzija abbord, għaldaqstant m’hemmx biża’ ta tniġġis.
Intqal li il-bastiment hemm madwar 4 metri kubi ta’ fjuwil iżda m’hemmx periklu li dan jinfirex.
TM infurmat lill-pubbliku li t-tim kontra t-tniġġis fil-baħar ta’ Trasport Malta, il-Protezzjoni Ċivili u l-Pulizija ilhom minn dalgħodu fuq is-sit u qegħdin iwettqu moniteraġġ kontinwu fuq Hephaestus.
Magħhom hemm ukoll uffiċjali mill-Awtorità tar-Riżorsi u l-Ambjent (ERA) li qed jissorveljaw is-sit biex jevitaw li ssir xi ħsara ambjentali.
L-awtoritajiet qegħdin jinvestigaw dan l-inċident filwaqt li qed ifasslu pjan biex jirkupraw il-vapur wara li jitjieb it-temp.
Iktar kmieni

Vapur ta’ madwar 65 metru nkalja max-xatt il-Qawra, qrib Fra Ben.
Sorsi fuq il-post qalu lil Newsbook.com.mt li l-ekwipaġġ ta’ 7 persuni ħelisha billi għam sal-art, mingħajr ma ġarrbu ebda ġrieħi.
Il-membri tal-ekwipaġġ marru fl-għassa tal-Qawra biex jistkennu. Wieħed mill-membri ddaħħal l-isptar imma ħareġ ftit wara.
Il-vapur ma kienx fit-triqtu lejn Malta u għalhekk l-ekwipaġġ ma kellux id-dokumenti neċessarji biex jidħol Malta.
Minn informazzjoni li għandu s-sit MarineTraffic jidher li l-vapur Hephaestus irreġistrat fit-Togo għamel sagħtejn jissielef mal-maltemp dalgħodu.
Beda jitħarrek mill-post għall-ħabta tal-4:09am u nkalja fis-5.54am.
Sadanittant, kelliem għall-Pulizija kkonferma ma’ Newsbook.com.mt li l-vapur hu tanker żgħir, u kien marbut ftit ’il barra mix-xatt.
Fuq il-post issejħu membri mill-Forzi Armati ta' Malta u tal-Protezzjoni Ċivili.
Filmat: Ian Noel Pace, Clarissa Galea