“Jgħixu ġo gaġġa u jsejħulha dar”

Fost bosta xenarji li raw b’għajnejhom, il-koppja żagħżugħa Maltija li telqu mix-xogħol biex jagħmlu erba’ xhur iduru pajjiżi Asjatiċi, iltaqgħu ma’ persuni li tant huma foqra li spiċċaw jgħixu ġo spazju daqs ta’ gaġġeġ li jsejjħulhom dar.

Iż-żewġ għalliema, Tiziana Zammit u Benjamin Darmanin tkellmu ma’ Newsbook.com.mt u rrakkuntaw il-faqar differenti li raw b’għajnejhom fil-pajjiżi li żaru fl-Asja.

Benjamin irrakkonta li raw tliet gradi ta’ faqar. Spjega li l-ewwel grad ta’ faqar huwa dak tal-belt, li huwa simili għal dak li wieħed jara f’ibliet Ewropej bħal Pariġi u Berlin. Dawn huma nies li m’għandhomx biżżejjed finanzi għal ħajja komda u għaldaqstant jgħixu ħajja sempliċi u jgħaddu bil-ftit li jaqilgħu.

It-tieni livell ta’ faqar li ltaqgħu miegħu huwa faqar relatat ma’ diżabbiltà. Spjegaw li persuni li għandhom xi diżabbiltà jew oħra ma għandhomx drittijiet bħal persuni li jgħixu f’pajjiżi aktar żviluppati. Irrimarkaw li dawn il-persuni m’għandhom l-ebda opportunità li biha jistgħu qatt jiġu fuq saqajhom. Benjamin irrimarka li biex tara persuna down syndrome fil-pajjiż hija xi ħaġa rari. Spjega li huma jgħidu li dan għax għandhom ġeni tajbin, madanakollu rrimarka li jemmen li dawn il-persuni jinħbew minn għajn il-pubbliku.

Għaldaqstant, l-aktar faqar kiefer li ltaqgħu miegħu kien propju fi Myanmar. Benjamin spjega kif bosta persuni ma għandhom assolutament xejn, tant li jgħixu ġo spazju li spjega ma fihx aktar minn gaġġa ta’ metru u nofs kwadru, u ġieli f’waħda jkunu joqgħodu bejn tlieta u erba’ min-nies. Spjega li dawn il-persuni jgħixu billi jittalbu fit-triq.