Jgħix mal-bużnanniet, mititlu ommu u nanntu ma tiflaħx għall-kera

Tifel li mititlu ommu u għandu missieru l-ħabs spiċċa jgħix mal-bużnanniet tiegħu minħabba li nanntu kellha titlaq minn darha għax bil-pensjoni ta’ €500 ma setgħetx tħallas kirja ta’ €400.
Waqt l-aġġornament fil-Parlament il-Membru Parlamentari Silvio Parnis tkellem dwar l-isfida li qed jiffaċċjaw in-nies fil-kirjiet tad-djar mingħand il-privat.
Fost l-esperjenzi li tkellem fuqhom,  semma’ kif mar tifel fuqu m’ommu u talbu jgħinhom biex ikollhom dar diċenti bħalma għandu ħabib tiegħu.
Esperjenza oħra li tkellem dwarha hija ta’ koppja bil-pensjoni li sentejn oħra se tispiċċa barra għax jagħlqilha l-kuntratt tal-kirja. Meta din il-koppja marret biex tapplika l-Awtorità tad-Djar u sabet bibien magħluqa għax għandha €50,000 il-bank.
Qal li b’dawk il-flus biss ma tistax tixtri dar għax il-bank mhux se jislef lill-koppja bil-pensjoni.
Fid-diskors tiegħu qal li jistħi meta jmorru jitkellmu miegħu fuq il-problema tal-kirjiet.
Żied jgħid li l-Gvern ma solva xejn billi żied is-sussidju fuq il-kirjiet tal-Awtorità tad-Djar għax kulħadd qed jgħolli l-kirjiet u msieken il-familji li qed jiltaqgħu ma’ sfidi kbar meta tgħollilhom il-kera, b’uħud ilaħħqu s-€700 fix-xahar.