Jgħidulu li fieq u jinstab li għadu bil-coronavirus ġimgħa wara

face masks
Miguela Xuereb

Read in English.

Pazjent li ma kellu l-ebda sintomi ħareġ pożittiv waqt testijiet ta’ rutina u spiċċa għamel ġimagħtejn kwarantina fid-dar tiegħu sakemm ifiq mill-virus. Qarrej ta’ Newsbook.com.mt qal lill-kamra tal-aħbarijiet li wara ġimgħatejn minn meta nstab pożittiv, saru test ieħor u hemm ħareġ li kien negattiv. Hu tħalla joħroġ mill-kwaratina l-ġurnata ta’ wara.

Iżda fi żmien ġimgħa, ħareġ li r-raġel kien għadu pożittiv għall-virus u li issa anke kellu s-sintomi relatati.

Ir-raġel sostna li hu talab lill-awtoritajiet tas-saħħa biex iħalluh fi kwarantina mandatorja għal ġimgħatejn oħra u biex il-qraba tiegħu jerġgħu jgħaddu mit-testing. Hu żied jgħid li fix-xogħol tiegħu hu jiltaqa’ ma’ ħafna persuni vulnerabbli li jekk dan jiġi f’kuntatt magħhom waqt li għadu pożittiv għall-virus setgħu jesperjenzaw kumplikazzjonijiet.

Iżda ladarba r-raġel kien inħeles mill-kwarantina, hu kellu jerġa’ jmur lura għax-xogħol.

Madwar sebat ijiem wara, hu żviluppa s-sintomi assoċjati mal-coronavirus, inkluż deni u uġigħ. Hu ċempel lill-awtoritajiet tas-saħħa u għamel swab test mill-ġdid. Hawn sar jaf li kien għadu pożittiv għall-virus u li s-sintomi li kien qed iħoss kienu relatati. L-awtoritajiet tas-saħħa għadhom iridi jibagħtu l-ittra uffiċjali jinfurmawh li hu jrid jerġa’ lura fi kwarantina. Ir-raġel s’issa rċieva telefonata mit-tim tal-contact tracing u minn dakinhar poġġa lilu nniffsu fi kwarantina.

Ma’ Newsbook.com.mt, ir-raġel spjega li hu ġie f’kuntatt ma’ diversi persuni u li issa spiċċaw fi kwarantina, inkluż kollegi tiegħu, il-qraba tagħhom u l-qraba tiegħu. Sostna li saħansitra kien hemm persuna li nstabet pożittiva għall-coronavirus wara li kienet f’kuntatt miegħu meta tħalla joħroġ wara t-test li rriżulta fin-negattiv. Tliet ijiem wara li nstab li kien għadu pożittiv, l-awtoritajiet ikkuntattjawh u kkonfermaw li hu pożittiv u se jkun qed jirċievi l-ittra ta’ kwarantina mandatorja l-ġimgħa li ġejja.

Qal li hu ma attendiex għal avvenimenti tal-massa u ħa l-prekawzjonijiet kollha neċessarji biex jassigura li ma jipperikolax ħajtu, ħajjet il-qraba tiegħu u ta’ persuni oħrajn qabel ma ħareġ pożittiv għall-ewwel darba.

Stejjer simili

Taljan li l-ittra tiegħu kienet ippubblikata fuq il-midja Taljana permezz tal-ġurnal Corriere fi Malta kien iddeskriva sitwazzjoni simili. Hu rrakkonta kif kien ħareġ pożittiv fid-9 ta’ Awwissu meta lanqas biss kellu sintomi.

Wara sarlu t-tieni swab test fil-21 ta’ Awwissu u hawn ħareġ negattiv. L-awtoritajiet tas-saħħa ppermettew lir-raġel joħroġ mill-kwaratina fit-23 ta’ Awwissu. Fl-ittra tiegħu, ir-raġel qal li kien talab biex isirlu swab test ieħor qabel ma joħroġ mill-kwarantina, iżda l-awtoritajiet tas-saħħa wieġbuh jgħidu li dan ma kienx hemm bżonnu għax hu kien “fieq”.

Wara li għamel jumejn id-dar, ir-raġel mar lura Sqallija fejn wera r-riżultat negattiv. Hu mbagħad għamel swab test ieħor Katanja u hemm reġa’ ħareġ pożittiv għall-virus.

Kemm dan it-Taljan, kif ukoll il-qarrej ta’ Newsbook.com.mt kienu fiqu mill-coronavirus eżattament ġimgħatejn wara li nstabu pożittivi, biex aktar tard reġgħu nstabu pożittivi għall-virus.

Żieda fl-infezzjonijiet, żieda fil-fejqan

Ir-rata medja ta’ fejqan għal pazjent huwa ta’ 15-il jum. Dan qalitu s-Superintendent għas-Saħħa Pubblika, Prof. Charmaine Gauci ma’ Newsbook.com.mt waqt konferenza tal-aħbarijiet riċenti.

Malta rat żieda fl-infezzjonijiet lejn tmiem Lulju, wara li l-każi ġodda tal-coronavirus kienu eliminati għal kważi ġimgħa sħiħa fl-istess xahar. B’konsegwenza ta’ dan, il-gvern kellu jipprojbixxi avvenimenti tal-massa u jagħmel mandatorju l-użu tal-maskri fuq it-trasport pubbliku u fi stabbilimenti.

Matul l-aħħar ġimgħat kienet osservata wkoll żieda sostanzjali fir-rata ta’ fejqan ta’ persuni mill-virus. Il-Ġimgħa, l-awtoritajiet tas-saħħa rrappurtaw 19-il każ ġdid ta’ coronavirus u 37 persuna mfejqa. In-numru ta’ każi attivi issa huwa ta’ 406, tliet ġimgħat wara li l-għadd ta’ persuni pożittivi kien qabeż il-500.

Sal-20 ta’ Awwissu, Malta kienet irreġistrat disa’ mewtiet relatati mal-coronavirus mill-bidu tal-pandemija. Fl-aħħar ġimgħat, kien hawn ħames persuni oħra li mietu b’rabta mal-coronavirus. Bl-aħħar mewta tkun irreġistrata propju llum.

Tibdil fil-protokol?

Sal-aħħar żmien, pazjenti pożittivi kienu jagħmlu żewġ testijiet oħra wara li huma jirriżultaw negattivi għall-coronavirus darbtejn wara li jkunu nstabu pożittivi fil-ġimgħat ta’ qabel. Dawn kienu jkunu ddikajrati mfejqa meta dawn it-testijiet kollha u repetuti joħorġu negattivi.

Propju waqt il-konferenza tal-aħbarijiet tal-bieraħ, Prof. Gauci tkellmet dwar kif qed ikun determinat li persuna fiqet mill-virus bħalissa. Hi sostniet li skont il-linjigwida tal-ECDC, li qed ikunu segwiti mill-awtoritajiet tas-saħħa lokali, meta persuna tinstab pożittiva, wara li jgħaddu tliet ijiem fejn tkun fiqet mis-sintomi, jiġifieri tkun fiqet klinikament, jagħmlu swab test mill-ġdid biex ikun determinat jekk il-persuna fiqitx kompletament. Qalet li jekk il-persuna joħorġilha riżultat negattiv, mela l-persuna titiqis bħala mfejqa u tkun rilaxxata mill-kwarantina. B’dan il-mod, ilbieraħ Prof. Gauci kkonfermat li saru prassi normali li jsir test wieħed biss ladarba wieħed ma jkunx għadu qed iħoss is-sintomi wara 14-il jum minn meta nstab pożittiv.

Newsbook.com.mt ikkuntattja lill-Ministeru għas-Saħħa għal kjarifika dwar il-prassi normali relatati ma’ dan. Sal-ħin tal-pubblikazzjoni tal-artiklu kienet għadha ma waslitx risposta.