“Jgħidulna ‘aqtgħu l-vini’ quddiem it-tfal”

Is-soċjetà ċivili titlob intervent urġenti mill-President

Read in English.

L-għaqda Repubblika bagħtet ittra lill-President ta’ Malta George Vella biex jintervjeni b’urġenza dwar dik li qed issejjaħ “kampanja ta’ intimidazzjoni u theddid mill-klikka mafjuża li qed taħkimna”.  Fost l-oħrajn, Repubblika spjegat lill-President dwar kif qed ikollhom jispjegaw lil uliedhom għaliex nies fit-triq, fid-dawl tax-xemx qed jgħajtu magħhom u jgħidulhom biex jaqtgħu l-vini.

Fl-ittra ffirmata mill-President tal-għaqda, Vicki Ann Cremona, Repubblika stqarret li ħadd ħlief il-President ma jista’ jagħti l-gwida u l-għaqal meħtieġ “fil-kriżi kostituzzjonali profonda” li għaddej minnha l-pajjiż bħalissa.

X’qed titlob Repubblika lill-President?

  • Tmur għandu biex turih x’tip ta’ intimidazzjoni qed jirċievu: “Nafu li temminna imma ma jfissirx li m’għandekx tara l-brutalità ta’ dak li qed nisperjenzaw”.
  • Protezzjoni “minn din il-mafja li ħakmet pajjiżna: li fl-imgħoddi wettqet kampanji ta’ mibegħda fuq Daphne Caruana Galizia; li kienu parti mill-pjan fit-tul biex jeliminawha.
  • Li ngħixu f’pajjiż fejn issaltan il-ġustizzja u l-verità biex kulħadd jgħix bla biża’ “li jkollna jiggvernana min lest iqum filgħodu u jordna l-qtil ta’ min qed jikxifhom”.
  • Intervjeni pubblikament mal-Gvern biex “irażżan il-konfrontazzjoni u jaqta’ l-gideb dwar ‘vjolenza’ li ma teżistix”.
  • Intervjeni pubblikament mal-Kummissarju tal-Pulizija biex “ikun leali lejn il-liġi, mhux lejn il-klikka li ħatritu”
  • Intervjeni pubblikament mal-Partit Laburista biex jara li l-mezzi tiegħu jirrappurtaw il-verità.
  • Intervjeni pubblikament mal-poplu Malti biex f’dan iż-żmien jingħaqad wara l-verità u l-ġustizzja , “mhux iħalli l-klikka mafjuża tibqa’ tifirdu kontrih innifsu”.

X’inhu t-tħassib u minn xiex qed tgħaddi Repubblika?

  • Jekk nisktu aħna u nibqgħu f’darna biex nevitaw din il-vjolenza fuqna, il-klikka, il-mafja, se tibqa’ tagħmel li trid.
  • Jekk inħallu l-istess metodu vjolenti u kattiv jirrepeti ruħu, din it-tebgħa ta’ mistħija se ndumu ma ninġabru minnha.
  • Ripetutament, ministri tal-gvern akkużawna u ‘l dawk li pprotestaw magħna, li l-aġir tagħna kien “kriminali” u “vjolenti”, li aġixxejna biex “joħolqu l-kaos fil-pajjiż”, li “rridu jġibu lura l-vjolenza tat-tmeninijiet”
  • Konsegwenza ta’ stqarrijiet u rapporti fuq il-mezzi tal-Partit Laburista, “qed nirċievu messaġġi privati u pubbliċi ta’ tgħajjir, intimidazzjoni u theddid, inkluż theddid ta’ mewt”.

Repubblika stqarret li matul l-aħħar 26 xahar kienet attiva bi protesti konsistenti bl-għajta għall-verità u l-ġustizzja wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Insistiet li l-kampanji għas-saltna tad-dritt u drittijiet tal-bniedem mhumiex biss id-dritt tagħhom biss imma anke d-dmir.  Illejla, fis-7.30pm Repubblika se terġa’ tinġabar quddiem il-bini tal-Qorti fil-Belt Valletta biex iġġedded il-kampanja tagħha.

Manuel Delia jiftaħ libell kontra l-midja tal-Partit Laburista

Intant, il-ġurnalist, blogger u attivista tas-soċjetà ċivili Manuel Delia fetaħ libell kontra One Production Ltd dwar storja li kienet tinsinwa li hu insulta atleti tal-Olimpjadi Speċjali waqt il-protesti ta’ Jum ir-Repubblika. Ir-“rapport” tal-One lbieraħ iddeskriva lid-demostranti bħala ‘vjolenti’ u kien jallega wkoll li ntefgħu ġebel u muniti lejn il-karozzi.

Minkejja li Delia ma ssemmiex fl-istorja, ir-ritratt kien tiegħu waqt protesta.