Jgħidulhom żoni tal-għawm għal raġuni – Jirreaġixxi s-Sindku ta’ San Ġiljan

Read in English.

Iż-żoni tal-għawm qegħdin hemm biex jipprojbixxu l-aċċess bid-dgħajjes u mhux biex l-għawwiema jinżammu milli jaċċessaw xi parti mill-baħar, sostna s-Sindku ta’ San Ġiljan Albert Buttigieg.

Buttigieg kien qed jirreaġixxi għall-istqarrija li ħarġet Fortina Investments dalgħodu dwar il-vapuri l-ġodda tagħha. Hi qalet li dawn mhux se jkunu qed jaċċessaw iż-żoni tal-għawm fil-Bajja tal-Balluta u lanqas mhuma se jankraw jew jersqu lejn il-parti mrammla tal-bajja. Il-kumpanija qalet ukoll li mhux se jkun hemm ticket booths matul il-promenade ta’ San Ġiljan.

Fil-kumment tiegħu ma’ Newsbook.com.mt, is-Sindku ta’ San Ġiljan qal li Fortina Investments falliet milli semmi li l-policies li hemm fis-seħħ bħalissa jgħidu li l-bajja tal-Balluta kollha hija żona tal-għawm. Qal li dawn ma jgħidux li tista’ tintuża bħala post għal katamaran li fih 33 metru. Buttigieg qal ukoll li l-vapuri mistennija jidħlu u joħorġu mill-bajja 22 darba, skont kif tgħid l-applikazzjoni.

Buttigieg sostna li proġett tat-tip se jkompli jikkomerċjalizza ż-żona li diġà hija żviluppata b’mod eżaġerat.

“Waqt l-aħħar maratona ta’ ġbir ta’ fondi għall-Partit Laburista, il-Captain Morgan offrew donazzjoni kbira lill-PL. Ħokkli dari biex intik permess?” staqsa s-Sindku.

Dwar it-ticket booths li l-Fortina Investments qalet li mhux se tkun qed tinstalla matul il-promenade, Buttigieg qal li filwaqt li l-kumpanija mhux se tkun qed tapplika għalihom, il-kumpaniji sussidjarji tagħha se jagħmlu dan.

Lura fi Frar tas-sena li għaddiet, is-Sindku ta’ San Ġiljan esprima t-tħassib tiegħu dwar l-applikazzjoni għal moll fil-Balluta, ix-xatt ta’ San Ġiljan. Hu qal li l-mod kif l-applikazzjoni kienet qed tiġi trattata qed tqajjem suspetti dwar negozjati oħra li qed isiru minn wara mill-iżviluppaturi u dawk li għandhom il-flus.

Buttigieg kien qal li l-applikazzjoni ċarament tikser il-policy tal-ippjanar, iżda ma ġietx irrifjutata immedjatament. Hu spjega kif il-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan ilu jissielet għal żmien twil kontra żviluppaturi li saħansitra qed jieħdu spazji tal-parkeġġ u anke bankini.

Ix-xahar ta’ wara, l-Awtorità tal-Ippjanar tat il-permess li l-Fortina tagħmel ix-xogħol li hemm bżonn biex toffri s-servizz ta’ hop-off, hop-on tagħha mill-bajja tal-Balluta.