Jgħidulhom jagħmlu abort; jitwildilhom ‘miraklu’

Matthew qed jitqies bħala tarbija miraklu wara li l-ġenituri tiegħu saru jafu li t-tobba kienu tawhom dijanjosi ħażina waqt it-tqala. Il-ġenituri tiegħu, madanakollu, rrifjutaw li jabortixxu lil Matthew abbażi ta’ dijanjosi medika qabel it-twelid.

Fit-23 ġimgħa tat-tqala, Drew u Ariann Corpstein irċevew l-aħbar li moħħ binhom ma kienx qed jiżviluppa kif suppost u għaldaqstant it-tobba qalulhom li ma kellux tama li se jsalva t-tqala, aħseb u ara t-twelid. Għaldaqstant it-tobba tawhom il-parir li jabortixxu lit-tarbija jew inkella jibdew il-proċess tat-twelid b’mod prematur u jħallu lil binhom imut b’dan il-mod. Madanakollu, il-koppja nisranija, li kienet diġà għaddiet minn korriment ta’ tarbija, irrifjutat l-abort.

Għall-bqija tat-tqala il-koppja sabet il-mezzi kollha possibbli bier iqattgħu il-ħin mat-tifel tagħhom u jagħmlu memorji ġodda. Dan sakemm fis-27 ta’ Lulju kien hemm il-bżonn li jibda l-proċess tal-ħlas minħabba li ras it-tifel kienet kibret ħafna aktar milli suppost. Il-proċess tal-ħlas dam propju jumejn u fid-29 ta’ Lulju twieled Matthew, ħaj. Hu beda jaġixxi kif taġixxi kull tarbija li titwieled mingħajr kumplikazzjonijiet, beda jixrob il-ħalib u jirreaġixxi għad-dawl u l-vuċijiet.

Wara li raw dan kollu, il-koppja ddeċidiet li tagħmel aktar testijiet fuq it-tarbija u nstab li t-tifel kellu hydrocephalus u mhux il-kundizzjoni li qalulhom fit-tqala. Dan ifisser li l-moħħ ikun żviluppa kif suppost imma jkun fih ħafna likwidu. Dan jista’ jitneħħa permezz ta’ operazzjoni. Wara din l-operazzjoni t-tifel għandu kull ċans għal ħajja normali iżda mhux eskluż li jaf ukoll jiżviluppaw xi diżabbiltajiet.

Min-naħa l-oħra, t-tobba qalu li ħarġet dijanjosi ħażina għax diffiċli li jiddeterminaw minn xiex ikunu qed isofru t-trabi qabel ma jitwieldu.