“L-istudenti tal-MCAST maqbuda f’limbu”

L-Ewroparlamentari Francis Zammit Dimech saħaq li l-istudenti tal-MCAST qed “jinqabdu fil-limbu” minħabba nuqqas ta’ qbil bejn l-amministrazzjoni u l-akkademiċi.
Zammit Dimech flimkien mal-kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Therese Comodini Cachia, talbu lill-Gvern Malti sabiex jagħti prijorità lill-edukazzjoni biex l-istudenti u l-għalliema ma jibqgħux ibatu.
Dan qaluh waqt żjara fil-kampus tal-MCAST fejn bħalissa hemm xi diżgwidi wara li n-negozjati bejn l-MCAST u l-Unjin tal-Għalliema (MUT) staġnaw
Waqt iż-żjara, Zammit Dimech u Comodini Cachia ltaqgħu mal-istudenti sabiex jiddiskutu l-kwistjonijiet li għaddejjin bħalissa qabel ma jibdew l-eżamijiet.
Min-naħa tagħha Comodini Cachia nsistiet li “huwa fl-aħjar interess tal-istudenti u l-edukazzjoni tagħhom li l-letturi jingħataw kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti.”
Kompliet tgħid li hemm bżonn li l-Gvern ipoġġi l-edukazzjoni iktar ’il fuq fil-lista ta’ prijoritajiet u jikkunsidraha “daqslikieku kienet settur bħall-oħrajn.”