Jgħidu li ordnaw il-kannabis bil-posta biex itaffu l-uġigħ

Żewġ persuni ammettew fil-Qorti li ordnaw il-kannabis lejn Malta, wara li l-Malta Poat ġiehom suspett u rrappurtawhom.
Glenn Gormann ta’ 35 sena min-Naxxar u Aaron Pavia ta’ 46 sena tressqu lbieraħ f’każijiet separati quddiem il-Maġistrat Gabrielle Vella.
Iż-żewġ persuni twieldu l-Ingilterra, iżda Gormann joqgħid in-Naxxar u Pavia Ħaż-Żebbuġ.
Fil-Qorti nstema’ kif iż-żewġ persuni ordnaw il-kannabis għall-użu personali permezz tal-posta, li fiha nstabu madwar 60 u 70 gramma fil-pakketti rispettivi.
Ġie deċiż li l-kannabis kienet għall-użu personali minħabba l-ammont misjub, u anki għax ma nstabu ebda oġġetti oħra relatati mat-traffikar, ngħidu aħna miżien.
Gormann u Pavia qalu wkoll li kienu qed jużaw il-kannabis sabiex itaffu mill-uġigħ ta’ mard kroniku li għandhom.
Barra pussess ta’ kannabis, Gormann ammetta wkoll li kellu l-kokaina għall-użu personali.
Hija u tikkunsidra l-piena, il-Maġistrat semgħet lill-Ispettur tal-Pulizija, Frank Anthony Tabone, jgħid li l-irġiel ikkollaboraw mal-Pulizija, u insista li l-Korp ma riedx li tingħata sentenza ta’ ħabs.
Finalment, il-Maġistrat Vella tathom kull wieħed 14-il xahar ħabs sospiżi għal sentejn, u mmultathom €500 ’l wieħed.