Jgħid li Scerri Herrera mminat il-fiduċja tal-poplu fil-ġudikatura

L-avukat Andrew Borg Cardona jidhirlu li l-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera messha baqgħet lura fuq deċiżjoni personali milli tikkonkorri biex tiġi eletta fil-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, għax b’dal-mod imminat il-fiduċja tal-poplu f’dil-kummissjoni importanti.
Il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja tieħu ħsieb li kollox jimxi kif sippost fil-ġudikatura, u hi magħmula mill-President ta’ Malta bħala Ċerpersin, il-Prim Imħallef u l-Avukat Ġenerali, il-President tal-Kamra tal-Avukati, żewġ maġistrati u żewġ imħallfin, u finalment żewġ membri appuntati mill-Gvern u l-Oppożizzjoni, rispettivament.
Borg Cardona, li hu stess kien President tal-Kamra tal-Avukati, kien qed jikkummenta f’kollegament telefoniku waqt il-programm Follow-Up fuq RTK dwar il-ħatra ta’ Scerri Herrera bħala rappreżentanta f’din il-kummissjoni.
Il-kwistjoni mhix li Scerri Herrera ġiet eletta fil-kummissjoni, iżda l-fatt li din l-istess kummissjoni kienet investigat u ċanfret lil Scerri Herrera talli kisret il-kodiċi ta’ etika ġudizjarja.
Dan għaliex kien instab li attendiet festini li fihom kien hemm politiċi, saħansitra organizzat festin f’għeluq sninha li għalih kien mistieden politiku li kellu każ li hi stess kienet qed tippresjedi.
Dwar dan Borg Cardona qal li għalkemm m’hemm xejn kontra l-liġi li tinnomina lilek innifsek biex tkun f’dil-kummissjoni, kif ukoll m’hemm xejn ħażin mil-lat legali li ħaddieħor jivvutalek biex titla’, iħoss li kemm Scerri Herrera kif ukoll min ivvutalha naqas minn aspetti oħra ta’ etika.
Ikompli jgħid li dan jista’ jtappan il-perċezzjoni pubblika dwar il-ġudikatura, filwaqt li jindika attitudni skorretta tal-governanza.
Jistaqsi x’jista’ jaħseb il-pubbliku, meta jara li persuna li nġibditilha widintha mill-kummissjoni xorta tista’ tiġi eletta fiha. Skont l-avukat, dan jgħaddi messaġġ li jekk ma tiksirx il-liġi b’mod apert m’hemm xejn milli jżommok biex tiksirha fl-ispirtu.