Jgħid li qed jinħatt il-qafas ta’ liġijiet ċivili f’Malta

L-Isqof t’Għawdex, Mario Grech, qal li l-qafas ta’ liġijiet ċivili li kien ikennen il-valuri tas-soċjetà Maltija qed jinħatt.
Dan iddikjarah waqt l-omelija fl-ewwel quddies solenni ta’ Dun Giovann Tabone, saċerdot novell fi ħdan is-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl, fil-Bażilika ta’ San Pietru u San Pawl fin-Nadur.
Madankollu enfasizza li l-fatt li dal-qafas qed jinħatt ma jfissirx li l-valuri għebu.
Mons. Grech qal li l-ambjent soċjali qed joffrilna sfida akbar biex il-pakkett ta’ valuri li għandu jservina bħala boxxla għall-ħajja, ikun frott ta’ għażla matura u konvinta.
“Jekk dawn il-valuri ma jibqgħux miktuba fuq il-kodiċi tal-liġi ċivili, Alla xorta jibqa’ jnaqqaxhom fil-qlub tal-bnedmin”, irrimarka l-Isqof.
Għadda biex irrefera għad-diskors li kien għamel fis-Sinagoga ta’ Buenos Aires, Il-Papa Fraġisku, li dakinhar kien għadu Arċisqof, li kien enfasizza li Alla jgħaddi qabilna bħall-warda tal-lewża li jsemmi l-profeta Ġeremija.
Hawnhekk l-Isqof qal li dan kollu jitfa’ dawl fuq il-ħajja spiritwali tagħna lkoll, għax hemm ir-riskju li naqgħu f’żewġ ereżiji li l-Papa jikteb dwarhom fl-aħħar eżortazzjoni tiegħu, Ifirħu u Thennew, jiġifieri li jkollna spiritwalità mingħajr Alla jew mingħajr Kristu (Injostiċiżmu Nisrani), jew li nkunu konvinti li kollox jiddependi mir-rieda tagħna (Pelagjaniżmu). Fi kliem ieħor, hemm il-biża’ li nagħtu importanza lill-friegħi u ninsew id-dielja.
Fost l-oħrajn, Mons. Grech temm jgħid li mhix il-missjoni tagħna li nimponu bilfors il-Vanġelu jew ma nittollerawx akkost ta’ kollox għażliet u stili ta’ ħajja li jkunu f’kuntrast qawwi mal-Vanġelu!
Finalment, ta parir lis-saċerdot Tabone biex ma jċedix għat-tentazzjoni li jkun saċerdot tal-Knisja tal-bieraħ.