Jgħid li mhux vera qabeż il-grada tal-ajruport

Ritratt: Arkivji - Pulizija ta' Malta

Albaniż ċaħad l-akkużi miġjuba kontrih fosthom li pprova jaħrab mis-suldati u jitla’ ma’ grada fl-ajruport.

Ir-raġel, Begtash Muka ta’ 27 sena, ġie arrestat il-Ħadd f’Ħal Safi fejn fost l-oħrajn qed jiġi akkużat ukoll li hedded lil raġel b’arma u lil membru tas-sigurtà tal-ajruport, daħal f’żona ristretta, li saq karozza bla liċenzja u bi pjanċi foloz u dwar pussess ta’ kokaina.

L-Albaniż li m’għandux indirizz fiss, allegatament ħarab fid-direzzjoni tal-kwartieri tal-Forzi Armati f’Ħal Safi meta ra suldati jiġru warajh, u li ipponta arma lejn uffiċjali tas-sigurtà qabel ma spiċċa mal-art jiġġieled ma’ suldati tal-AFM.

Pulizija mir-Rapid Intervention Unit kellhom jintervjenu fl-inċident u għenu biex jiġi arrestat ir-raġel.

Instabet karozza bi pjanċi foloz li aktarx intużat mill-akkużat.

Jidher li Muka huwa akkużat ukoll li kellu sehem fis-serqa fuq ħanut tal-ġojjelli f’Tignè f’Tas-Sliema s-sena l-oħra.