Jgħid li mhux se jaċċetta l-argument li jitnaqqsu l-fondi mill-UE

Il-Prim Ministru, Joseph Muscat, qal li mhux se jaċċetta l-argument li għax Malta sejra tajjeb ekonomikament, mela ħaqqha tirċievi inqas fondi Ewropej.
Dr Muscat illum kien qiegħed Brussell biex jiltaqa’ b’mod informali mas-27 mexxej tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Hemmhekk kellhom jiddiskutu l-Qafas Finanzjarju Multiannwali tal-UE, li fost l-oħrajn jirrigwardja l-ammont ta’ fondi allokati lil kull Stat Membru.
F’kummenti li ta lix-xandir nazzjonali, Dr Muscat irrimarka li hemm iċ-ċans li l-fondi Ewropej jonqsu għax il-pajjiż sejjer tajjeb ekonomikament, iżda qal li l-Gvern mistenni jpoġġi argumenti u ideat lill-Kummissjoni Ewropea (KE) sabiex jissalvagwardja l-pożizzjoni ta’ Malta.
L-aħħar ftehim li Malta nnegozjat mal-UE kien ikopri bejn l-2014 u l-2020, u huwa magħruf li mindu l-pajjiż sar membru tal-unjoni, dejjem ngħata fondi aktar milli kkontribwixxa għall-baġit Ewropew.
Meta ntlaħaq il-ftehim fl-2013, Malta kienet ingħatat €1.12b.
Madankollu dan issa jista’ jinbidel wara l-2020, kif jiskadi l-ftehim attwali u jiġi nnegozjat ieħor għas-seba' snin li ġejjin.
Sadanittant, l-eks-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil, qal fuq Facebook li skontu Muscat diġà qata' qalbu milli jikkonsolida fondi suffiċjenti, u qabbel ma' meta l-eks-Prim Ministru, Lawrence Gonzi, u Richard Cachia Caruana, ġabu l-fondi imsemmija, fi kliem Busuttil "kontra kollox u kulħadd".
"Mhux l-istorbju jgħodd, imma l-istrateġija" – Muscat
Sadanittant, fi stqarrija mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Muscat qal li mhux l-istorbju, iżda l-istrateġija u r-riżultati li jgħoddu biex tikkonvinċi lill-KE dwar il-pakkett finanzjarju.
Huwa qal dan meta kien qed iwieġeb għall-kritika li l-Gvern irċieva, jiġifieri li mhux jagħmel biżżejjed storbju biex isemma' leħnu.
Il-KE mistennija tħabbar il-pożizzjoni tagħha f’Mejju li ġej.
Meta kien qed jitkellem dwar x’se jiġri mis-siġġijiet fil-Parlament Ewropew (PE) tar-Renju Unit, wara li sseħħ Brexit, il-PM tenna li l-proposta tal-PE fuq kif se ssir ir-ridistribuzzjoni tas-siġġijiet hija waħda tajba.
Dwar il-mod kif jiġi elett il-President tal-KE, il-Prim Ministru spjega li l-pożizzjoni ta’ Malta hija l-istess pożizzjoni bħal tal-Kunsill Ewropew, fejn il-Parlament Ewropew ikollu dritt joħroġ b’lead candidates, iżda xorta waħda l-Kummissjoni Ewropea tkun immexxija minn persuna nnominata mill-Kunsill Ewropew, u mbagħad l-istess persuna tkun ivvotata mill-Parlament Ewropew.