Jgħid li ma jafx għaliex seraq u għamel ħsara lil pompa tal-petrol

Raġel li hu akkużat li seraq €60 u li għamel il-ħsara lil pompa tal-petrol, li tammonta għal €575, tressaq il-Qorti llum, fejn wieġeb ħati għall-akkużi.

Iż-Żabbari ta’ 32 sena qal li lanqas hu ma jaf għaliex wettaq dan, u meta mistoqsi, qal lill-Qorti li m’għandux problema ta’ droga.

Il-Prosekuzzjoni qablet li s-sentenza li tingħata lill-akkużat għandha sservih bħala lezzjoni, u ttih lok biex jindirizza l-problemi personali li għandu.

Għaldaqstant, il-Qorti tat lill-akkużat sena ħabs sospiża għal sentejn, 3 snin bħala żmien ta’ prova u ordnatlu li jħallas lil sid il-pompa tal-petrol €575 f’6 xhur.