“L-FIAU ħbiet evidenza biex Konrad Mizzi ma jiġix investigat”; Il-Ministru jiċħad; “Ma jeżistix rapport finali” – FIAU

Il-Ministru Konrad Mizzi ċaħad dak li qal il-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa, li sostna li għandu f’idu evidenza li turi li messu ilhom li bdew investigazzjonijiet kriminali fil-konfront tal-Ministru Konrad Mizzi.
Irreaġixxiet ukoll l-Aġenzija tal-Gvern kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU) li qalet li ma jeżisti l-ebda rapport finali u li min kiseb dokumenti kunfidenzjali bla permess wettaq reat kriminali, filwaqt li spjegat li l-ipproċessar tar-rapporti jieħu ż-żmien. Min-naħa tiegħu l-Partit Nazzjonalista qal li issa li nstab ir-rapport, il-Prim Ministru m’għandux fejn jistaħba, bil-Partit Laburista jwissieh biex iħalli lill-Qorti tagħmel xogħolha.
Fi stqarrija, is-Sibt waranofsinhar, David Casa qal li għandu rapport tal-FIAU, li skontu ilu lest sa mill-anqas minn Marzu li għadda, u li fi kliemu jindika li kellhom jinfetħu każijiet fil-konfront ta’ Mizzi relatati ma’ ħasil ta’ flus u l-possibiltà ta’ flus oħra ġejjin minn attivitajiet kriminali.
L-Ewroparlamentari rrimarka li r-rapport hu awtentiku, u li għadu miżmum mill-FIAU.
Casa qal li jidhirlu li dan l-inċident juri kemm l-istituzzjonijiet fil-pajjiż saru biss ġugarell f'idejn il-Gvern, bla sinsla u ineffettivi.
Semma kif il-fatt li l-FIAU hija mmexxija mill-Avukat Ġenerali, li hu wkoll l-avukat tal-Gvern, kif ukoll mid-Deputat Kummissarju tal-Pulizija, Silvio Valletta, li jiġi żewġ il-Ministru Justyne Caruana, huma xhieda ta’ dan kollu.
Irrimarka li meta l-FIAU ltaqgħet mad-delegazzjoni tal-Ewroparlamentari li Casa kien jifforma parti minnha, naqqset il-valur ta’ dan id-dokument.
Barra mill-konklużjonijiet imsemmija fil-konfront tal-Ministru, ir-rapport, jisħaq Casa, jikkonkludi affarijiet simili dwar persuni, kumpaniji u intermedjajrji finanzjarji oħra li għandhom relazzjoni mal-persuni fil-qalba tal-Prim Ministru Joseph Muscat.
Casa talab lill-FIAU, lill-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna u lill-Prim Ministru biex:
·         Jippubblikaw immedjatament dan id-dokument
·         Jibdew il-proċedimenti kriminali kontra l-Ministru Mizzi
·         Jassumu r-responsabbiltà politika ta’ dan l-att
Casa temm jgħid li jekk dawn it-talbiet ma jintlaqgħux, se jagħmel dak li hemm bżonn isir hu stess, u qal li l-fatt li biex dan id-dokument isir jaf bih kulħadd kellu l-ewwel jasal għandu, juri kemm is-saltna tad-dritt mhix imħarsa taħt Muscat.
“Alegazzjonijiet foloz, l-istess ta’ Mejju li għadda” – Konrad Mizzi
Fi stqarrija maħruġa mill-Gvern, Konrad Mizzi, b’kuntrast ma’ dak li qal Casa, stqarr li l-kumpanija msemmija ma fetħet l-ebda kontijiet tal-bank, ma rċevietx flus u ma wettqet l-ebda tranżazzjonijiet.
Il-Ministru Mizzi saħaq li l-allegazzjonijiet mhumiex biss foloz, iżda huma l-istess allegazzjonijiet foloz li saru kontrih f’Mejju li għadda, u l-istess allegazzjonijiet li kienet ċaħdet l-FIAU.
“Min kiseb dokumenti kunfidenzjali bla permess wettaq reat kriminali” – FIAU
Fi stqarrija separata, l-FIAU qalet li min kiseb dokumenti b’informazzjoni kunfidenzjali mingħajr awtorizzazzjoni mingħand l-aġenzija stess, wettaq reat kriminali, għax serqa bħal din se tagħmel il-ħsara kemm lill-aġenzija kif ukoll lill-investigazzjonijiet li għadha qed twettaq.
L-aġenzija ċaħdet fi stqarrija l-allegazzjonijiet ta’ Casa, li skontu difnet rapport bis-sejbiet tagħha li ilu lest minn Marzu li għadda u li gidbet lid-delegazzjoni ta’ Ewroparlamentari li kienu Malta din il-ġimgħa biex jinvestigaw jekk il-liġijiet f’Malta humiex jiġu osservati.  
L-FIAU spjegat li, minbarra l-fatt li l-liġi stess ma tippermettilhiex li tippubblika informazzjoni jew dokumenti kunfidenzjali, l-ipproċessar tar-rapporti jieħu ż-żmien, ladarba trid tinġabar u tiġi analizzata l-informazzjoni kollha dwar il-każ, u r-rapporti jridu jiġu evalwati mill-Kumitat tal-Analiżi Finanzjarja qabel ma jiġu evalwati u ffirmati mill-uffiċjali responsabbli għalihom.    
Hija kkundannat l-allegazzjonijiet ta’ Casa li fi kliemha kienu “irresponsabbli, gideb, u li l-uniku għan tagħhom kien li jdgħajfu l-kredibbiltà tal-aġenzija”.
L-aġenzija temmet tisħaq li xogħolha huwa sensittiv, u għalhekk ma jistax jiġi mxekkel minn stqarrijiet irresponsabbli bħal dawn. Minflok, qalet li għandha titħalla fil-paċi ħalli tkompli twettaq il-ħidma tagħha f’konformità mal-liġi ta’ Malta, kif skontha dejjem għamlet. 
 “Issa li nstab ir-rapport, Muscat m’għandux fejn jistaħba” – PN
Il-Partit Nazzjonalista (PN) wera s-solidarjetà tiegħu ma’ Casa u fi stqarrija saħaq li, issa li nstab ir-rapport “msakkar u midfun” fl-FIAU, il-Prim Ministru m'għandux fejn jistaħba u għandha toħroġ il-verità kollha dwar ir-rapport sigriet.
Filwaqt li faħħar il-ħidma tal-Ewroparlamentari għad-demokrazija u l-ħarsien tal-liġi fil-pajjiż, il-PN akkuża lill-Prim Ministru li bil-kuntrast kisser il-pedamenti demokratiċi u kostituzzjonali tal-pajjiż billi ddefenda lill-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff Keith Schembri minflok keċċihom mill-karigi tagħhom meta l-Panama Papers żvelaw li kellhom kumpaniji sigrieti fil-Panama.
Il-PN reġa’ tenna s-sejħa tiegħu għar-riżenja tal-Kummissarju tal-Pulizija u tal-Avukat Ġenerali, li skontu qed jonqsu minn dmirijiethom billi ma investigawx il-każijiet imsemmija, filwaqt li fakkar lill-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna fl-obbligu tiegħu li jinforma lill-poplu dwar il-kontenut tar-rapport maħruġ mill-aġenzija tal-Gvern li hu responsabbli għaliha. 
“Ħallu l-Qorti tagħmel xogħolha” – PL
Il-Partit Laburista (PL) wissa lill-Partit Nazzjonalista (PN) biex ma jibqax jirriċikla allegazzjonijiet li diġà qed jiġu investigati mill-Qorti, u minflok iħalli l-istituzzjoni twettaq dmirha fil-paċi, jekk jemmen tassew li l-liġi għandha tiġi osservata.
Il-PL fakkar fi stqarrija, li l-Qorti għadha qed tinvestiga l-istess allegazzjonijiet minħabba li kellha teżamina l-informazzjoni fit-“tmien fajls ta’ evidenza” li l-Eks Kap tal-PN Simon Busuttil ippreżenta lill-Maġistrat Aaron Bugeja iktar kmieni din is-sena.
Il-PL temm jikkummenta li l-appoġġ li Delia qed jagħti lil Casa juri li l-mod ġdid tal-Kap tal-Partit ma kien xejn ħlief kliem fieragħ.