Jgħid li ħa delivery minflok mar jonsob; illiberat

Il-Qorti lliberat lil raġel ta’ 27 sena minn Nadur li kien akkużat li s-sena l-oħra kien qed jonsob fl-inħawi ta’ San Blas fi staġun magħluq. Dan minħabba li l-Qorti ma sabitx biżżejjed provi li tinkrimina lill-akkużat.

Id-difiża tar-raġel kienet mibnija fuq ix-xhieda li ta hu stess fil-Qorti fejn qal li kien imur b’delivery ta’ ikel għand tliet anzjani li joqogħdu fl-inħawi.

Il-prosekuzzjoni kienet qed taġixxi fuq rapporti li daħlu minn rappreżentanti tal-CABS li qalu li r-raġel kien qed jonsob illegalment. Ir-rappreżentanti tal-CABS iffilmjaw lir-raġel dieħel fiż-żona b’vettura li aktar tard kienet ġiet identifikata bħala l-vettura ta’ missier l-akkużat.

Peress li ma sabitx provi biżżejjed, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud illiberatu minn kull akkuża.

Intant, l-istess Maġistrat fil-Qorti ta’ Għawdex bagħat digriet lis-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri. Fid-digriet, li ntbagħat ukoll liċ-Ċermen tal-Kumitat Ornis Joseph Grech u lit-Taqsima għar-Regolamentazzjoni tal-Għasafar (WBRU), il-Maġistrat fakkar fid-deċiżjoni tal-Ombudsman li tgħid li m’għandux ikun hemm monopolju fil-mod kif isiru ċ-ċrieket tal-għasafar u min jagħmilhom.

Il-Qorti nnutat ukoll li l-qies tal-malji tax-xbiek kif stabbilit fil-liġi qed jikkawża forma ta’ moħqrija għax meta jinqabdu l-għasafar qed ikorru u għalhekk il-liġi għandha tipprovdi għas-sigurtà tal-għasafar.