Jgħid li ġie msawwat mill-Pulizija u kissrulu mnieħru waqt l-arrest

Raġel ta’ 30 sena minn Ta’ Xbiex, li tressaq il-Qorti mixli li darab Pulizija, ċaħad l-akkużi kollha miġjuba kontrih u sostna li ġie msawwat mill-Pulizija.
B’kollox tressqu kontrih 17-il akkuża fosthom li kien qed isuq taħt l-effett tal-alkoħol u li naqas li jobdi l-ordnijiet tal-Pulizija.
Ir-raġel iżda sostna fil-Qorti li huwa ġie msawwat mill-Pulizija li kissrulu imnieħru, filwaqt li ppreżentat ukoll ċertifikat tat-tabib.
Ċaħad li ġidem u darab kuntistabbli tal-Pulizija.
L-Avukat tal-akkużat qal li r-raġel informa lill-Pulizija li ġie imsawwat iżda ma riedux li jiktbu dawn id-dettalji fl-istqarrija.
Talab biex il-Qorti tappunta espert li jieħu r-ritratti tal-karozza fejn ir-raġel qal li qala’ d-daqqa f’imnieħru iżda Spettur tal-Pulizija qal li l-karozza inħaslet.
L-Ispettur qal li l-Qorti għandha twassal il-messaġġ li mhux se jibqgħu jiġu ttollerati aktar każi ta’ abbuż fuq il-Pulizija.
Sostna li l-akkużat spiċċa biex kiser imnieħru meta laqat wiċċu mal-bieba tal-karozza meta kien qed jipprova jaħrab l-arrest.
Fil-Qorti ntqal li l-Pulizija li r-raġel qed isostni li kissirlu imnieħru ma kienx l-istess wieħed li ndarab waqt l-arrest.
Ir-raġel ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq garanzija personali ta’ €10,000.