Jgħid li dakinhar tal-inċident fin-Nadur kien qed isuq bil-50 kilometru

Is-sewwieq tal-karozza, li kien involut f’inċident fatali fin-Nadur f’Għawdex fl-ewwel jum tas-sena, sostna fil-Qorti li kien qed isuq bil-50 kilometru fis-siegħa meta tilef il-kontroll tal-vettura u baqa’ dieħel f’ħajt.
Dakinhar tal-inċident tilef ħajtu żagħżugħ ta’ 22 sena.
Fil-kumpilazzjoni tal-provi kontra żagħżugħ ieħor ta’ 22 sena, li jinsab mixli bi qtil involontarju ta’ sieħbu meta kien qed isuq taħt l-effett tal-alkoħol.
Jinsab mixli wkoll li darab serjament żagħżugħ ieħor.
L-akkużat qed jinsisti li l-passiġġier li kien quddiem qal mal-Pulizija li l-karozza ma kinitx qed tinstaq b’veloċità eċċessiva filwaqt li l-passiġġieri l-oħra qalu li mhux jifhmu kif ġara l-inċident.
Il-Pulizija qalu li hekk kif kellhom is-suspett li l-akkużat kien qed isuq taħt l-effett tal-alkoħol intalbu testijiet mediċi. Il-każ se jkompli x-xahar id-dieħel.