Jgħid għaliex mhux se jerġa’ joħroġ għall-politika

L-eks Membru Parlamentari Luciano Busuttil qal li mhux se jerġa’ joħroġ għall-politika. Fi kliemu l-Membri Parlamentari qed jiġu trattati bħala prostituti għall-voti, kif ukoll mhedda kontinwament mill-kostitwenti.
Dawn kienu żewġ eżempji li elenka Busuttil dwar il-prezz li wieħed iħallas fil-ħajja politika, f’intervista li saritlu ftit tax-xhur ilu mill-Commercial Courier u li ppubblika llum fuq Facebook tiegħu.
Luciano Busuttil bħalissa huwa ċ-Ċermen ta’ Sport Malta minbarra li jaħdem bħala avukat.
Minkejja li xi kultant iħoss in-nuqqas ta’ dibattitu tajjeb, Busuttil stqarr kemm-il darba kif il-poplu ma jirrealizzax is-sagrifiċċju li wieħed irid jagħmel biex iservi lill-pajjiżu.
Fost l-oħrajn ilmenta li ma tarax lil uliedek jikbru u biex tkun politiku tajjeb trid titraskura lil familtek. Fisser li għalkemm wieħed ma jitħallasx bħala full-time, ix-xogħol ta’ Membru Parlamentari huwa wieħed ta’ 24 siegħa, sebat ijiem fil-ġimgħa.
Busuttil irrimarka dwar dik li sejjaħ perċezzjoni li tkun politikant tfisser li int persuna korrotta. Semma wkoll li bħala politikant kellu jsofri gideb fuqu u fuq familtu.
Ġab eżempju bil-funeral tal-eks Membru Parlamentari Karl Chircop li għalih kienu attendew folol kbar ta’ nies iżda meta dawn telqu familtu kellha taffaċċja t-telfa tiegħu. Huwa qal li mhux lest li jħallas dak il-prezz.
Busuttil temm jgħid li wieħed ma jidħolx fil-politika biex jagħmel il-flus. Iżda għax skontu hi vuċi minn ġewwa li tgħidlek li tista’ tibdel id-dinja. Hawn hu qal li fil-verità d-dinja tibdlek u li jekk ma tridx tinbidel ma jibqagħlek triq oħra ħlief titlaq mill-politika.
Għalkemm mhux fil-Parlament, Busuttil ilmenta li n-nies ma tantx iħalluk terġa’ ssir ċittadin privat.