Jgħannaq it-tfal u l-kbar minflok ħafna diskorsi

Il-Papa Franġisku qal li dawk li jieħdu l-vot tal-faqar u jgħixu ħajja lussuża jweġġgħu ħafna qlub ta’ nies.
Hekk kif kompla bit-tielet jum taż-żjara tiegħu fil-Korea t’Isfel, il-Papa Franġisku iltaqa’ mal-kommunitajiet reliġjużi fejn qal li hija biss il-ħniena li twassal biex wieħed jippersevera fil-vokazzjoni tiegħu.
Il-Kap tal-Knisja Kattolika fakkar lill-kommunitajiet reliġjużi li bil-kastità, il-faqar u l-ubbidjenza, dawn għandhom jaslu biex ikunu xhieda ferrieħa tal-imħabba ta’ Alla.
Il-Papa Franġisku żar ukoll dar tal-persuni b’diżabilità fejn anke mess wiċċ it-tfajla Myan li tinsab fuq sodda b’diżabilità u għalkemm lanqas biss tista’ titkellem, xorta waħda titbissem.
Matul iż-żjara, il-Papa talab ukoll quddiem il-ġnien taċ-ċimiterju li jfakkar lil dawk it-tfal li kienu abortiti.
Il-Papa Franġisku m’għamilx ħafna diskorsi iżda minflok deher jgħannaq diversi tfal, adulti u anzjani li wkoll qed ibatu minn diversi diżabilitajiet serji.
Is-sorpriżi min-naħa tal-Papa Franġisku matul iż-żjara fil-Korea t’Isfel ma jonqsux u minkejja li għandu 77 sena, ilbieraħ iddeċieda li ma jużax il-ħelikopter u iddeċieda li jieħu vjaġġ bit-tren minn Seoul għal Daejeon.