Jgħallmu s-sigurtà fit-toroq bit-teatru

Studenti mill-iskola San Benedittu f’Ħal Kirkop ħadu sehem f’forum interattiv dwar is-sigurtà fit-toroq inzjattiva ta’ Malta Public Transport flimkien mal-atturi minn More or Less Theatre. Il-produzzjoni teatrali ġdida bl-isem Brief and Non-Boring Guide to Road Safety qed iżżur l-iskejjel ta’ Malta u Għawdex.

Waqt is-sezzjoni fl-iskola San Benedittu, l-awturi Malcolm Galea u Jeremy Grech, tellgħu sezzjoni informattiva li daħlet it-tfal ta’ tnax-il sena fid-diskussjoni. L-awturi għamlu serje ta’ reċti qosra li raw l-involviment tat-tfal u kienu jinvolvu logħob, diskussjonijiet, u attivatijiet oħra.

Fost l-affarijiet li tkellmu fuqhom it-tfal iddiskutew dwar l-inċidenti li jistgħu jseħħu waqt li jkunu ma’ sħabhom mingħajr ma jkunu fi ħsiebhom fit-traffiku, dwar ir-riskji assoċjati ma’ meta ma jintlibsix iċ-ċintorin tas-sigurtà fil-karozza fost affarijiet oħra.

Fi stqarrija l-Malta Public Transport qalet li tifhem li għandha rwol uniku biex teduka l-istudenti minn età żgħira dwar is-sigurtà fit-toroq. Il-programm li huwa twil madwar 45 minuta qed jiġi offrut bla ħlas lill-istudenti ta’ bejn 10 u 13-il sena. L-MPT qalet li għandha l-mira li tilħaq 4,000 tifel u tifla.

L-MPT ħeġġet l-iskejjel li jixtiequ jtellgħu din il-produzzjoni biex jagħmlu kuntatt magħha.