Jgħallem il-kompjuter mingħajr kompjuter fil-Ghana

Ritratti ta’ għalliem fil-Ghana jagħti lezzjonijiet tal-kompjuter imma mingħajr kompjuter daru l-midja soċjali kollha, wara li tellagħhom fuq Facebook.
Raġel minn Kumasi, pinġa fid-dettall stampa tal-programm Microsoft Word fuq il-blackboard. Uża ġibs b’kuluri differenti u l-istudenti jidhru qegħdin jikkuppjawha fuq il-pitazzi tagħhom.
Mar-ritratti huwa kiteb li t-tagħlim tal-Informazzjoni u t-Teknoloġija fil-Ghana hu divertenti.
Il-kumpanija Microsoft wegħditu li se tkun qed tibgħatlu apparat ġdid tal-kompjuter.
Fil-messaġġ tiegħu fuq Facebook, Owura Kwadwo, qal li huwa jħobb lill-istudenti tiegħu, u għalhekk irid ifehemhom dak li qed jgħallem.
L-għalliem f’intervista qal li l-iskola ilha bla kompjuters mis-sena 2011. Studenti bejn l-14 u l-15-il sena huma mistennija jgħaddu minn eżami nazzjonali fejn wieħed mis-suġġetti huwa dak tal-kompjuter. Mingħajr dan l-eżami l-istudenti ma jistgħux ikomplu bl-istudju tagħhom.