Jgħajruha għax poġġiet posters mal-mafkar ta’ Daphne

Read in English.

Il-Kap tal-Ħelsien tal-Media tal-Bureau tar-Renju Unit ta’ Reporters Without Borders ġiet mgħajra ‘bitch’ waqt li kienet qed tpoġġi xi posters mal-mafkar tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.

Fuq Twitter, Rebecca Vincent spjegat kif meta marret tpoġġi dawn il-posters mal-mafkar b’rispett għall-ġurnalista maqtula, grupp ta’ rġiel avvanzati fl-età, li kienu bilqiegħda fuq bank viċin il-mafkar bdew jgħajruha. Sostniet kif filwaqt li din ġrat lilha darba biss, l-istess ħaġa tiġri ta’ kuljum, ma’ dawk kollha li baqgħu jagħmlu dan l-att ta’ kuljum.

Din mhix l-ewwel darba li kien hemm xi tip ta’ aggressjoni, kemm verbali kif ukoll fiżika fil-konfront ta’ persuni li jieħdu ħsieb li l-mafkar ma jinqeridx. Dan hekk kif il-mafkar, ta’ kuljum, jiġi mnaddaf mir-ritratti, fjuri u xemgħat minn ħaddiema tal-Gvern wara ordni li kienet ħarġet mill-Gvern. Skont il-Qorti, l-ordni tat-tneħħija kienet ħarġet mill-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici.

Aqra: Ritratti: Persuni jneħħu r-ritratt ta’ Daphne minn fuq il-mafkar

Aqra: Filmat: Raġel ineħħi r-ritratti ta’ Daphne mill-mafkar

Propju s-Sibt li għadda, ftit tas-sigħat wara t-tmiem tal-vġili f’għeluq it-22 xahar mill-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, grupp ta’ ħames persuni kienu kompliċi fit-tneħħijja tar-ritratt tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia minn mal-monument tal-Assedju l-Kbir li qed jintuża minn bosta bħala mafkar għaliha.

Aqra: Il-Ministru Bonnici ordna li jitnaddaf il-mafkar ta’ Daphne – Debattista

Intant mhux l-ewwel darba li ġurnalisti li rrappurtaw it-tneħħija tal-oġġetti mill-mafkar jew attivisti li kienu qed ifakkru l-ġurnalista ġew aggrediti mill-pubbliku jew ħaddiema tal-Gvern stess.

Aqra: Filmat: Ġurnalist ta’ Newsbook attakkat quddiem il-mafkar ta’ Daphne