Jgħajjat, ikisser u jħebb għall-pulizija wara li qabduh jisraq

Raġel inżamm arrestat għal xi ħin wara li minn bar f’Ta' Kerċem seraq kartiera u aktar tard ħebb għal żewġ uffiċjali tal-Pulizija f'Marsalforn.
Minn informazzjoni li għandu Newsbook.com.mt, il-każ seħħ fl-aħħar jiem waranofsinhar.
Infurmati li l-ħalliel ġie identifikat minn kameras tas-sigurtà li wrew lir-raġel jitlaq b’vettura. 
Meta ġie kkonfrontat mill-pulizija tad-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali ta’ Għawdex, u nstabet il-kartiera, ir-raġel irreżista l-arrest u weġġa’ ħafif lil żewġ uffiċjali tal-pulizija.
Newsbook.com.mt hu infurmat li r-raġel sar aggressiv, u allegatament beda jinża’ l-ħwejjeġ, jgħajjat u jimtedd mal-art.
Meta ddaħħal fl-għassa, ir-raġel allegatament ta daqqa ta’ ponn u kisser purtella u l-ħġieġa tal-bieb.
Qed jiġi allegat ukoll li r-raġel hedded lill-pulizija li se jpattihielhom.
Żewġ nisa li kienu mar-raġel allegaw li l-pulizija sawtuh.