Jgħaddu sentejn mill-mewt taċ-ċiklist Zoran Pavlovic

BAG

Propju bħal-lum sentejn ilu, Zoran Pavlovic miet waqt li kien qed isuq ir-rota kawża ta’ inċident li seħħ fl-Imsida.

Permezz ta’ post fuq Facebook, il-Bicycle Advocacy Group (BAG) spjegat kif Pavlovic, li kien raġel tal-familja, inqatel kiesaħ u biered waqt li kien qed isuq ir-rota tiegħu fi Triq Mikiel Anton Vassalli. Hu kellu 53 sena.

L-għaqda qalet li l-unika mod kif tista’ tfakkar il-memorja tiegħu huwa li jkun assigurat li inċidenti tat-tip ma jsirux aktar. Qalet iżda li minkejja dan, sentejn wara, it-triq baqgħet l-istess u ma kien hemm l-ebda titijib biex din tkun attrezzata għaċ-ċiklisti.

“Sentejn wara, minkejja li f’ċertu proġetti kien hemm żieda fl-infrastruttura għaċ-ċikliżmu, għadna qed naraw disinn mhux ideali u li jista’ jpoġġi ħajjet iċ-ċiklisti f’riskju,” qalet il-BAG. Sostniet li qatt ma jista’ jkun hemm ġustizzja għal Pavlovic u vittmi oħrajn fit-toroq, iżda li jista’ jsir huwa li jkun assigurat li inċidenti tat-tip ma jerġgħu jiġru qatt aktar.