Jgħaddi mit-Tieni Qari l-abbozz dwar ir-riforma fil-ħatra ta’ Kummissarju tal-Pulizija

Kwartieri tal-Pulizija - Police Headquarters Depot
Joseph Giordimaina

Bi 32 vot favur u 25 kontra, il-Parlament illejla approva t-tieni qari tal-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-liġi tal-Pulizija. L-emenda prinċipali fil-liġi hi l-mod kif se jintgħażel il-Kummissarju tal-Pulizija l-ġdid.

L-għażla ta’ Kummissarju tal-Pulizija se tibda b’sejħa pubblika. Se tkun il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku (PSC)  li se tevalwa l-applikazzjonijiet kollha u tressaq żewġ kandidati għall-għażla finali ssir mill-kabinett tal-ministri. Il-persuna magħżula mbagħad trid tgħaddi mill-iskrutinju tal-Parlament.

Fil-Parlament, il-Prim Ministru wiegħed li mhux se jkun hemm logħob mal-għażla tal-Kummissarju l-ġdid. Huwa qal li metodu li kienet qed tipproponi l-Oppożizzjoni li l-Kummissarju jintgħażel biż-żewġ terzi ma jaħdimx.  Hu saħaq li l-Oppożizzjoni għandha l-irwol kruċjali biex fil-Parlament tagħmel domandi, diffiċli kemm huma diffiċli lill-kandidat magħżul.