Aġġornata: Jgħaddi l-vot dwar il-liġi taż-Żwieġ, Edwin Vassallo jivvota kontra

Il-Parlament approva fit-Tielet Qari l-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar iż-Żwieġ u emendi oħra; abbozz ta’ liġi li fost l-oħrajn qed jippermetti lil koppji tal-istess sess jingħaqdu fi żwieġ ċivili.
L-abbozz ġie approvat mingħajr vot. Kemm il-Prim Ministru Joseph Muscat kif ukoll il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qalu li l-gruppi parlamentari rispettivi kienu se jivvutaw favur. Id-Deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo, min-naħa l-oħra, irreġistra vot kontra, hekk kif kien diġà għamel fi stadju tat-Tieni Qari.
Fi spjega dwar dan il-vot, Vassallo qal li fil-jiem li għaddew, huwa prova jfittex kompromess fil-kuxjenza biex waqt li jistqarr li huwa kontra, xorta waħda jivvota favur skont il-linja tal-Paritit. Fl-istess ħin sostna li hekk kif politiku liberali iżomm fil-Parlament konsistenza mal-ħsieb u l-loġika liberali tiegħu, hekk huwa ħass li bħala politiku Nisrani għandu jagħmel l-istess. Huwa saħaq li b’rispett lejn id-demokrazija u l-ġid komuni, waqt li jimxi mal-loġika tal-fidi, kien qed iqis dan l-abbozz bħala "moralment inaċċettabbli" u għalhekk kien se jivvota kontra.
Iktar kmieni il-Prim Ministru Joseph Muscat talab lill-Kamra biex il-vot jittieħed billi kull deputat iqum u jgħid kif kien se jivvota; proposta li l-Oppożizzjoni ma qablitx magħha. Muscat qal ukoll li ebda deputat min-naħa tal-Gvern ma talab vot ħieles.
L-iter leġislattiv dwar l-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar iż-Żwieġ u Liġijiet oħrajn jiġi fi tmiemu bil-firma tal-President u l-pubblikazzjoni tal-Att fil-Gazzetta tal-Gvern. 
Il-vot ittieħed eżatt f’għeluq is-sena minn meta l-Parlament kien approva, ukoll fit-tielet qari emendi leġiżlattivi li neħħew mil-liġi Maltija l-villifikazzjoni tar-reliġjon.
“Pass ‘il quddiem għall-ugwaljanza fis-soċjetà Maltija” – PN
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista laqa’ b’sodisfazzjon il-vot tal-lejla favur il-liġi dwar iż-żwieġ ċivili bejn persuni tal-istess sess “bħala pass ‘il quddiem għall-ugwaljanza fis-soċjetà Maltija”. L-istqarrija innutat li l-liġi għaddiet mill-Parlament b’mod kważi unanimu b’appoġġ sħiħ miż-żewġ naħat tal-Kamra ħlief għal Deputat wieħed.  
L-istqarrija saħqet li l-Kap tal-Partit Simon Busuttil irringrazzja lid-deputati tal-Partit Nazzjonalista għal-lealtà lejn il-linja tal-partit fejn minkejja “li kien hemm numru ta’ deputati li kellhom oġġezzjoni għal xi partijiet ta’ din il-liġi iżda li xorta vvutaw favur b’lealtà lejn il-pożizzjoni tal-partit u l-għaqda fil-partit”.
L-istqarrija qalet li l-vot tal-PN kienet tirrifletti l-mod kif fl-aħħar snin il-partit aġġorna l-politika tiegħu biex jirrifletti aħjar ir-realtajiet li jeżistu fis-soċjetà Maltija llum, inkluż il-komunità LGBTIQ. Sostniet li fil-prattika, dak li għamlet il-liġi maqbula llum hija li formalment tirrikonoxxi bħala żwieġ dawk id-drittijiet u l-obligi li kellhom persuni tal-istess sess taħt il-liġi dwar l-Unjoni Ċivili li għaddiet fl-2014.
“Legat għall-ġenerazzjonijiet li jmiss” – PL
Min-naħa tiegħu, il-Partit Laburista, iddeskriva t-tgħoddija ta’ din il-liġi mill-Parlament bħala “jum storiku għal Malta”. Fi stqarrija iddeskriva l-liġi bħala “liġi tal-ugwaljanza” li tkompli ssaħħaħ id-dehra tal-pajjiż bħala “fanal ta’ tama għad-drittijiet ċivili”. Sostna li permezz ta’ dan l-imħabba u l-ugwaljanza rebħu fuq l-intolleranza u s-segregazzjoni. L-istqarrija kompliet tgħid li permezz ta’ din il-liġi, persuni li jgħixu Malta qed jingħataw l-istess opportunitajiet indipendentament mill-orjentazzjoni sesswali tagħhom.
L-istqarrija kompliet tgħid li l-Gvern se jkompli jaħdem biex l-ugwaljanza tkun legat li se jitħalla għall-ġenerazzjonijiet li jmiss.
“Persuna qatt ma għandu jkollha barrieri biex tesprimi u tgħix l-imħabba tagħha” – GWU
Il-General Workers’ Union iddeskriviet il-vot bħala “kisba oħra importanti għall-iżvilupp soċjali ta’ pajjiżna”. Qalet li dan huwa in sintonija mal-ħsieb tal-istess union li għaliha “l-persuna qatt ma għandu jkollha barrieri biex tesprimi u tgħix l-imħabba tagħha”. Sostniet li kull minn ikkritika din il-liġi “qed jonqos” għaliex, “ma għarafx l-iskop ewlieni tagħha, dak li kulħadd ikun rikonoxxut b’mod indaqs f’relazzjoni ta’ żwieġ, irrispettivament mis-sesswalità u ġeneru tiegħu”
 “Komplu edukaw liż-Żgħażagħ” – KNŻ
Il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ, fi stqarrija, ukoll laqa’ l-vot fil-Parlament “favur ugwaljanza fiż-żwieġ”. Sostna li dan il-vot qed jagħti drittijiet ugwali quddiem il-liġi u għalhekk hu ta’ benefiċċju għal kulħadd, irrispettivament mill-ġeneru jew orjentazzjoni sesswali. Fl-istess ħin, il-KNŻinkoraġġixxa lill-awtoritajiet biex ikomplu jedukaw liż-żgħażagħ dwar ir-realtajiet varji fis-soċjetà Maltija għaliex huwa biss permezz tal-edukazzjoni li s-soċjetà tista’ ssir tassew inklussiva.
"Malta hija l-25 pajjiż fid-dinja li approvat liġi simili. u l-15 fl-Ewropa"il-Gvern
Sadanittant, huwa u jħabbar il-vot parlamentari, il-Gvern irrimarka li issa Malta hija l-25 pajjiż fid-dinja li approva liġi simili, u l-15 fl-Ewropa.
Din kienet l-ewwel liġi li l-Gvern mexxa fil-leġiżlatura, tkompli l-istqarrija.
Sostna li l-mira ewlenija kienet li tiġi mmodernizzata l-liġi taż-żwieġ sabiex l-istituzzjoni nnifisha taż-żwieġ tiġi newtrali abbażi ta’ ġeneru.
Dan ifisser li l-omosesswali, il-bisesswali, it-trans, l-intersex u l-genderqueer, jiġifieri l-komunità LGBTIQ, jistgħu jiżżewġu skont il-liġi, kif ukoll jieħdu ħsieb tfal mingħajr ma jkun hemm għalfejn isiru referenzi għas-sess tal-ġenituri, anki fuq il-karta tal-identifikazzjoni jew iċ-ċertifikat tat-twelid tal-wild.
Il-liġi tfisser ukoll li issa l-mara kif ukoll ir-raġel jistgħu jagħżlu li jieħdu l-kunjom tas-sieħeb jew sieħba. It-tfal, imbagħad, jieħdu l-kunjom li lk-koppja tkun għażlet f’jum iż-żwieġ.
"Malta wriet maturità kbira" – Alternattiva Demokratika
Carmel Caccopardo, id-Deputat Ċerpersin tal-Alternattiva Demokratika, qal fi stqarrija li b'dal-vot il-parlament qed jaċċetta l-pluraliżmu.
Kompla jgħid li hi ħasra li għad hemm min jaħseb li għax ħaddieħor għandu valuri differenti minn tiegħu dawn huma immorali.
Il-kelliem tal-AD sostna li seta' kien hemm diskors konċiljattiv wara li ttieħed il-vot favur.
Temm jgħid li meta ma naqblux hi xi ħaġa komuni, iżda li ninsulentaw lil xulxin fuq valuri bażiċi huwa tal-mistħija.